Tħabbar uffiċjalment il-bidu tal-proġett Rabat Inclusion Hub, l-ewwel hub inklussiv fil-pajjiż b’investiment ta’ aktar minn nofs miljun ewro. Dan il-proġett qed jitwettaq b’kollaborazzjoni bejn Aġenzija Sapport u l-Kunsill Lokali tar-Rabat, bil-għan li jinħoloq spazju modern, aċċessibbli u miftuħ għall-komunità kollha.
Dan ħabbritu l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, fil-preżenza tas-Sindku tar-Rabat Sandro Craus, kunsilliera u l-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna.
Il-proġett fil-Housing Estate tan-Nigret jinvolvi t-trasformazzjoni ta’ ħwienet dilapidati fi spazju multifunzjonali li se jservi bħala ċentru komunitarju. Il-hub se joffri ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani, ċentru għal persuni b’diżabilità kif ukoll spazji ddedikati għaż-żgħażagħ u għall-anzjani, b’enfasi qawwija fuq l-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni attiva.
Il-binja l-ġdida se tkun kompletament aċċessibbli, iddisinjata biex tilqa’ lil kulħadd b’mod dinjituż u sigur, filwaqt li tkun disponibbli għall-komunità għal diversi programmi u attivitajiet, inklużi filgħaxija u fi tmiem il-ġimgħa.
Fil-preżent, hemm sejħa miftuħa għall-offerti għat-twaqqiegħ tal-binja eżistenti u l-kostruzzjoni tal-faċilità l-ġdida. L-investiment ta’ Aġenzija Sapport huwa stmat li jilħaq madwar €550,000. Ix-xogħlijiet kollha, inklużi l-finishes, huma mistennija li jitlestew sal-aħħar tas-sena d-dieħla.
Fid-diskors tagħha, il-Ministru Julia Farrugia spjegat li, “Dan il-proġett huwa xhieda ċara tal-impenn sod tal-Gvern li jkompli jwettaq politika li tpoġġi l-inklużjoni soċjali u l-aċċessibbiltà fil-qalba tal-ħidma tiegħu. Ir-Rabat Inclusion Hub mhux biss se jipprovdi faċilitajiet moderni u adattati għall-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabilità, iżda se jkun spazju miftuħ u dinamiku għall-komunità kollha, żgħażagħ, anzjani u għaqdiet volontarji, fejn il-koeżjoni soċjali tissaħħaħ u l-opportunitajiet ikunu għal kulħadd. Dan hu investiment dirett fin-nies u fil-komunità, u eżempju konkret ta’ kif il-politika tal-Gvern qed tittraduċi ruħha f’azzjonijiet reali li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies, mingħajr ma ħadd jitħalla lura.”
Min-naħa tiegħu, l-Kap Eżekuttiv Oliver Scicluna ppreżenta dan il-proġett bħala eżempju ċar fejn setturi differenti ser ikunu jistgħu jibbenefikaw minn faċilitajiet moderni u aċċessibbli. Dan għalhekk jagħmilha possibbli biex il-post ikun jista’ jintuża mill-komunità kollha, inkluż persuni b’diżabilità u anzjani. “Aġenzija Sapport hi kommessa li tkompli żżid l-aċċessibilità u l-inklużjoni. Dan il-post ser ikun qed joffri spazju lil setturi differenti tal-komunità minn fejn jistgħu jippjanaw u jwasslu attivitajiet u programmi varji fil-komunità stess,” temm jgħid Scicluna.
Is-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus spjega li bħala Kunsill ilhom għal diversi snin jaħdmu sabiex dan it-tip ta’ servizz ikun disponibbli fil-komunità tar-Rabat. Il-pass prinċipali kien li l-Kunsill kiseb it-titolu ta’ devoluzzjoni tal-art, u wara beda l-proċess mal-Awtorità tal-Ippjanar. Il-Kunsill kien beda wkoll diskussjonijiet sabiex dan il-proġett jiġi ffinanzjat mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat. Dawn id-diskussjonijiet wasslu għal ftehim biex il-proġett jibda u jkun spazju ta’ tgawdija għall-komunità Rabtija, b’mod speċjali għall-anzjani, l-għaqdiet volontarji u l-persuni b’diżabilità.
Dan il-hub inklussiv huwa parti minn proġett usa’ ta’ riġenerazzjoni urbana, li jinkludi wkoll it-tisbiħ tal-pjazza li tinsab quddiem il-binja. Dan l-aspett tal-proġett se jkun qed jitmexxa minn Infrastructure Malta, bil-għan li jinħoloq ambjent attraenti u funzjonali għall-komunità kollha.

