Negozji u residenzi li esperjenzaw interruzzjonijiet fit-tul fil-provvista tal-elettriku bejn is-17 u s-27 ta’ Lulju, u kellhom qtugħ ta’ aktar minn sitt sigħat, kumulattivi, fl-istess perjodu se jkunu intitolati għal pagament ex-gratia ta’ darba.
Il-pagament qed jingħata minħabba li l-mewġa ta’ sħana bla preċedent fit-tul, b’medja ta’ aktar minn 40 grad Celsius f’Lulju, affettwat is-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku.
Kontijiet residenzjali
Biex ikun iffaċilitat il-proċess, kontijiet residenzjali li esperjenzaw interruzzjoni fil-provvista tal-elettriku għal sitt sigħat jew aktar, b’mod kumulattiv, matul il-perjodu msemmi, se jirċievu awtomatikament kreditu fil-kont tad-dawl tagħhom. Dan il-kreditu qed ikun ibbażat fuq il-konsum medju tar-residenzi f’pajjiżna kkalkulati fuq tliet xhur, li jikkorrispondi mal-istess perjodu tas-sena l-oħra. Il-kreditu se jkun ekwivalenti għal dak li jikkunsmaw ir-residenzi bħala medja f’xahar sħiħ, u jiżdied skont is-sigħat ta’ interruzzjoni.
Il-kreditu se jingħata awtomatikament lil dawk il-kontijiet li ġew identifikati bħala affettwati mis-sistema tal-informatika tal-Enemalta.
Mit-tieni ġimgħa ta’ Ottubru ’l quddiem, il-konsumaturi se jaraw linja ta’ kreditu (‘pagament ex-gratia’) fil-kont tagħhom maħruġ mill-ARMS, li jindika l-ammont ta’ pagament li qed jiġi kkreditat.
Il-kontijiet residenzjali li se jirċievu l-pagament awtomatiku se jiġu notifikati permezz ta’ ittra mill-ARMS, li se tkun qed tintbagħat fil-jiem li ġejjin.
F’każ ta’ ħsarat eċċezzjonali matul dan l-istess perjodu, liema ħsarat ma jinqabdux fuq is-sistema tal-informatika b’mod awtomatiku, il-klijenti affettwati minn qtugħ fil-provvista tal-elettriku għal aktar min sitt sigħat, jistgħu japplikaw permezz ta’ applikazzjoni onlajn, li se tkun disponibbli fuq is-sit tal-ARMS. L-applikazzjoni tiftaħ nhar it-Tnejn 9 ta’ Ottubru. L-Enemalta u l-ARMS se jkunu qed jagħmlu eżerċizzju ta’ validazzjoni tal-applikazzjoni.
Klijenti b’kontijiet ‘domestic’ mhumiex inklużi awtomatikament. Madankollu f’każijiet bħal residenzi tas-sajf, fejn in-nies kienu qed joqogħdu u esperjenzaw interruzzjonijiet ta’ aktar minn sitt sigħat b’mod kumulattiv matul il-perjodu indikat, jistgħu japplikaw ukoll permezz tal-formola tal-applikazzjoni online.
Il-formola hija miftuħa sal-31 ta’ Diċembru, 2023. Għal aktar għajnuna, klijenti jistgħu jċemplu fuq 80002024 jew jibgħatu email fuq [email protected].
Kontijiet mhux residenzjali
Kontijiet mhux residenzjali, jiġifieri negozji, li esperjenzaw interruzzjoni fil-provvista tal-elettriku għal sitt sigħat jew aktar, b’mod kumulattiv bejn is-17 u s-27 ta’ Lulju, 2023, huma wkoll eliġibbli għal pagament ta’ darba.
Negozji li ntlaqtu minn qtugħ fis-servizz tad-dawl iridu japplikaw online fuq electricitypayment.maltaenterprise.com u jsir eżerċizzju ta’ validazzjoni mill-Enemalta u l-ARMS. L- applikazzjoni għal kontijiet mhux residenzjali (non-residential) tiftaħ nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Settembru.
In-negozji b’kont mhux residenzjali huma eliġibbli għal pagament ex-gratia ekwivalenti għal konsum ta’ xahar tal-istess kont u li huwa kkalkulat fuq il-konsum f’Ġunju, Lulju u Awwissu 2022. Il-pagament jiżdied skont in-numru ta’ sigħat affettwati, b’limitu massimu ta’ €10,000 għal kull kont. L-iskema se titħaddem b’kollaborazzjoni mal-Malta Enterprise u ġiet diskussa mal-istakeholders, li lkoll appoġġjawha.
Il-formola hija miftuħa sal-31 ta’ Diċembru, 2023. Għal aktar għajnuna, klijenti jistgħu iċemplu fuq 80002024 jew jibgħatu email fuq [email protected]
Sadanittant, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża huwa impenjat li jkompli jħeġġeġ aktar negozji u residenzi jkunu parti mit-tranżizzjoni ekoloġika. Wara diskussjonijiet mal-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u l-Industrija, il-Kamra tal-SMEs, l-MHRA, l-ACE u l-Malta Employers Association, kien hemm qbil biex ir-rappreżentanti tan-negozji u l-Gvern jaħdmu flimkien. Dan bil-għan biex aktar negozji jkunu mħeġġa jżidu l- effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-operat tagħhom. Dawn l-imsieħba lkoll qablu li għandu jkun hemm ħidma konġunta biex aktar negozji jtejbu l-operat tagħhom u jsiru ‘future-proof’, ħalli b’hekk huma wkoll jkunu qed jikkontribwixxu għal azzjonijiet favur il-klima.
Jista l Onor Sammut jghidilna meta nqata dawl fi zmien il pn qatt xi darba taw kumpens.