Tuesday, December 24, 2024

Imħabbar premju ta’ €60,000 għall-proprjetà intelletwali

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri nieda l-Malta Intellectual Property Award 2022.

Dan il-premju, b’fond ta’ €60,000 huwa mmirat sabiex jirrikonoxxi u jippromwovi l-ħolqien tal-proprjetà intellettwali f’Malta, fosthom patents, trademarks u disinni reġistrati li jipprovdu lin-negozji, artisti u inventuri b’mezzi sabiex jipproteġu l-prodotti u l-kreazzjonijiet tagħhom, kif ukoll jiġu mħeġġa sabiex jinvestu fl-innovazzjoni u l-kreattività bħala benefiċċju għas-soċjetà.

Fid-diskors tiegħu l-Ministru Schembri tkellem dwar l-importanza ta’ patents, trademarks u disinni reġistrati, nazzjonali u Ewropej hekk kif minn studji Ewropej irriżulta li kumpaniji li  jipproteġu l-proprjetà industrijali tagħhom għandhom bħala medja dħul ta’ 20% ogħla minn ta’ kumpaniji li ma jagħmlux dan.

Barra minn hekk, il-pagi mħallsa minn sidien ta’ patents, trademarks u/jew disinni reġistrati huma bħala medja 19.3% ogħla minn dawk imħallsa minn ditti li ma għandhomx dawn id-drittjiet.

It-tema għal din is-sena tal-Jum dinji tal-Proprjetà Intelletwali, li ġie imfakkar aktar kmieni din il-ġimgħa, hija  l-Proprjetà Intelletwali u ż-Żgħażagħ. Għaldaqstant fil-premju ta’ din is-sena  ser ikun hemm allokati €12,000 għall-Emerging Innovation Initiative li huwa mmirat għall-inventuri bejn is-16 u 30 sena.

Il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri qal li permezz ta’ dawn l-awards inkomplu nħeġġu l-kreattivita fl-intrapriża lokali u nappoġġjaw il-kreattivita Maltija.

Aktar informazzjoni fuq dan il-premju tista’ tinkiseb minn fuq il-website: commerce.gov.mt

Ekonomija

Sport