Monday, December 9, 2024

Imħabbar proġett ta’ shared mobility li jgħaqqad Ħal Luqa mal-Gudja

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, ħabbar li Infrastructure Malta ser tintroduċi rotta sigura u iktar aċċessibbli għall-mixi u ċ-ċikliżmu bejn Ħal Luqa u l-Gudja. Dan il-proġett ta’ shared mobility huwa frott l-inizjattiva ta’ Vjal Kulħadd u li għaliha attirat 37 applikazzjoni minn 32 kunsill lokali f’Malta u erba’ għaqdiet mhux governattivi.

Dan il-proġett, li huwa mifrux fuq rotta ta’ madwar kilometru u li jgħaqqad żewġ komunitajiet flimkien, jixhed l-impenn ta’ Infrastructure Malta biex tħeġġeġ il-mobilità attiva, l-użu ta’ trasport alternattiv, tisħiħ fl-aċċessibilità u konnessjoni adegwata bejn l-ispazji pubbliċi.

Din ir-rotta ser tinkludi linja dedikata speċifikament għaċ-ċiklisti u mogħdijiet għall-użu pedonali li jibda minn Triq il-Gudja, jestendi ma’ Dawret il-Gudja, ikompli lejn Triq Bir Miftuħ u jagħti lejn Ġnien Raymond Caruana.

Il-Ministru Chris Bonett qal li l-proġett li qed jitnieda llum se jkun qed iservi lill-komunitajiet ta’ Ħal Luqa u Gudja billi jgħaqqadhom u joffri passaġġ sigur għall-mobbiltà attiva. “Il-mobbiltà rridu nieqfu narawha biss bħala l-karozza u Tallinja, speċjalment fiċ-ċentri urbani tal-irħula u l-ibliet fejn ngħixu. Hemm bżonn issir il-qabża fil-kwalità fl-infrastruttura urbana ta’ pajjiżna li tirrifletti l-bidla fil-mentalità li nixtiequ nwasslu lill-poplu għaliha,” temm jgħid il-Ministru Bonett.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul, qal li “dan il-proġett huwa xhieda ta’ dak li nistgħu niksbu meta nipprijoritizzaw is-sostenibbiltà, l-aċċessibbiltà, u l-ħtiġijiet tal-komunità. Permezz tal-inizjattiva Vjal Kulħadd, Infrastructure Malta ser tkompli żżid rotot siguri għall-użu pedonali u ċ-ċikliżmu, waqt li ser inkomplu nħeġġu l-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ trasport sostenibbli.”

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport