Friday, December 13, 2024

Imħabbar Team Malta għall-European Youth Olympic Festival

Aqra wkoll

Il-Kumitat Olimpiku Malti llum ħabbar il-kontinġent li ser jirrappreżenta lil  Malta fil-European Youth Olympic Festival (EYOF) li se jsir f’Banska Bystrica, is-Slovakkja, bejn l-24 u t-30 ta’ Lulju.

Il-Festival Olimpiku taż-Żgħażagħ Ewropej huwa avveniment multi-sportiv li jsir kull sentejn għall-atleti żgħażagħ mill-50 pajjiż membru tal-assoċjazzjoni tal-Kumitati Olimpiċi Ewropej. Il-festival sar għall-ewwel darba fi Brussell fl-1991, filwaqt li l-ewwel parteċipazzjoni ta’ Malta saret fl-2017.

Malta se tkun qed tingħaqad ma’ aktar minn 3000 atleta, ta’ bejn l-14 u t-18-il sena u se tikkompeti fl-Atletika u l-Ġinnastika Artistika.

Mireya Bugeja se tkun qed tikkompeti fl-avveniment tat-800m, filwaqt li Matthew Galea Soler se jkun qed jikkompeti fl-avvenimenti tal-200m u l-400m filwaqt li Philippa Busuttil se tkun qed tikkompeti fl-avvenimenti ta’ Beam, Floor, Uneven Bars u Vault.

Is-Segretarju Generali tal-KOM Kevin Azzopardi, ħabbar li Bugeja u Galea Soler se jkunu qed iġorru l-bandiera Maltija waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ fl-24 ta’ Lulju fil-Banská Bystrica SNP Memorial Park.

L-atleti Maltin se jkunu akkumpanjati mill-kowċis Xandru Grech (Atletika) u Nataliya Berehova (Ġinnastika). Id-dmirijiet ta’ Chef de Mission se jittieħdu mid-Direttur tal-Midja u l-PR tal-Kumitat Olimpiku Malti, Maria Vella-Galea.

Ekonomija

Sport