Tuesday, January 21, 2025

Imħabbra d-dettalji tat-tieni sejħa f’Malta tal-Aġenzija Ewropea tal-Ispazju għal inizjattivi relatati mal-ispazju

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, flimkien ma’ Xjenza Malta u l-Aġenzija Ewropea tal-Ispazju (ESA), ħabbru t-tnedija tat-tieni sejħa tal-Plan for a European Cooperating State (PECS) għal Malta, li se tipprovdi opportunitajiet għar-riċerka u żvilupp fil-qasam tal-Ispazju. Din is-sejħa hija miftuħa għas-setturi privati u pubbliċi lokali, kif ukoll għall-istituzzjonijiet akkademiċi.

Il-PECS huwa pjan ta’ ħames snin maħluq mill-ESA flimkien ma’ Xjenza Malta biex jindirizza l-ħtiġijiet ta’ Malta għas-settur tal-Ispazju bbażat fuq il-kapaċitajiet nazzjonali. Din l-inizjattiva tippermetti lill-partijiet ikkonċernati lokali jippreżentaw proposti għal proġetti ta’ riċerka f’diversi setturi tal-Ispazju, inkluż Space Upstream, Space Downstream, u Space Education.

Is-segretarju parlamentari qal: “Il-PECS joffri pjattaforma fejn l-istakeholders Maltin jistgħu jikkompetu fuq livell nazzjonali għall-proġetti tal-ESA mingħajr il-kompetizzjoni ma’ pajjiżi oħra Ewropej li għandhom aktar esperjenza. Dan jgħin biex inħejju l-pedamenti għal settur tal-Ispazju li jiffjorixxi f’pajjiżna.”

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta Silvio Scerri qal li: “L-ESA PECS tinkoraġġixxi sħubijiet li jipprovdu opportunitajiet biex l-industrija lokali tikber, tiddiversifika, u tinfluwenza t-Teknoloġija tal-Ispazju. Din l-inizjattiva tippermetti lill-gruppi ta’ riċerkaturi lokali jippreżentaw proposti biex jaħdmu fuq proġetti tal-ESA fuq skala internazzjonali.”

Stephen Airey, Kap ta’ PECS fi ħdan l-ESA, spjega li: “L-iskema PECS għandha l-għan li tiżviluppa l-kompetenzi relatati mal-Ispazju f’Malta, inkluż fl-edukazzjoni, ir-riċerka, u l-iżvilupp industrijali, filwaqt li tiffaċilita l-kooperazzjoni internazzjonali. L-iskema tkopri s-suġġetti relatati kollha mal-Ispazju, inkluż l-iżvilupp ta’ hardware u software għas-satelliti, kif ukoll l-użu ta’ applikazzjonijiet ibbażati fuq dejta satellitari għal setturi bħal agrikoltura, turiżmu, u ppjanar urban.”

Is-sejħa tinsab miftuħa għal riċerkaturi u operaturi mis-setturi privati, pubbliċi u akkademiċi. L-applikazzjonijiet jistgħu jsiru permezz tal-pjattaforma ESA Star. Id-dettalji kollha dwar il-kriterji tas-sejħa huma disponibbli fuq il-pjattaforma ESA Star u l-websajt ta’ Xjenza Malta.

Din is-sejħa se tkun miftuħa sad-19 ta’ Frar 2025, fis-13:00. Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jagħmel kuntatt fuq [email protected].

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport