Thursday, January 30, 2025

Imħabbra erbatax-il proġett fi rħula madwar Malta bħala parti mill-inizjattiva Vjal Kulħadd

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett nieda sensiela ta’ proġetti ġodda fil-komunitajiet bħala parti mill-inizjattiva Vjal Kulħadd. Dawn il-proġetti qed isiru b’investiment ta’ €10 miljun u se jwasslu għal għadd ta’ spazji pubbliċi ġodda f’numru ta’ lokalitajiet mifruxa madwar pajjiżna. 

Waqt it-tnedija, li għaliha attendew diversi kunsilli lokali u NGOs, ingħataw id-dettalji tal-14-il proġett li ġew magħżula fl-ewwel fażi u li ser jibdew jitwettqu minn din is-sena stess minn Infrastructure Malta. L-għan ewlieni ta’ dawn il-proġetti huwa li jippromwovu stil ta’ ħajja aktar attiva permezz ta’ żoni pedonali, korsiji għar-roti u spazji ħodor ġodda, filwaqt li mil-lat infrastrutturali ser ikunu qegħdin jindirizzaw problemi bħal-għargħar u jżidu s-sigurtà fit-toroq.

“Din l-inizjattiva turi l-viżjoni tal-Gvern, dik li l-infrastruttura tal-pajjiż tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru tagħha,” spjega l-Ministru Chris Bonett. Huwa semma kif permezz ta’ din l-inizjattiva kif ukoll bi proġetti maġġuri oħra, fosthom dak tal-Imsida Creek, qed jingħataw spazji miftuħa ġodda lill-komunità. Kompla billi spjega kif dawn il-proġetti, li wħud minnhom ser jiġu inawgurati fil-ġimgħat li ġejjin, ġew imfassla biex iħajjru aktar nies jagħmlu użu minn mezzi ta trasport alternattiv, kemm biex nieħdu ħsieb aktar saħħitna kif ukoll biex ikollna ċentri urbani li verament ikunu tan-nies.

“Il-kunċett ta’ Vjal Kulħadd irnexxilu jgħaqqad entitajiet governattivi, kunsilli lokali u NGOs flimkien b’għan wieħed ċar, dak li fi ftit żmien naraw ċentri fil-lokalitajiet li verament jaqdu il-bżonnijiet tal-komunitajiet,” temm jgħid il-Ministru Bonett. 

Preżenti għal din it-tnedija kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli li fl-intervent tagħha rringrazzjat lill-kunsilli lokali kollha għall-parteċipazzjoni attiva tagħhom f’din l-inizjattiva filwaqt li saħqet dwar l-importanza ta’ skemi bħal dawn mill-Gvern.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Steve Ellul spjega kif Infrastructure Malta qed timmira li l-proġetti jitlestew sal-aħħar tal-2026, fejn ser jiġu trasformati aktar minn mitt kilometru kwadru ta’ toroq alternattivi. Fi preżentazzjoni viżiva tal-proġetti, huwa saħaq, “Din it-tnedija ssegwi rispons pożittiv ħafna għall-inizjattiva, b’40 applikazzjoni sottomessi minn diversi kunsilli lokali u NGOs ambjentali. Minbarra l-erbatax-il proġett li ser inkunu qegħdin nimplimentaw fl-ewwel fażi, hemm 10 proġetti addizzjonali li bħalissa qed nevalvaw għat-tieni fażi.”

Vjal Kulħadd huwa aktar minn sempliċi tweġiba għall-isfidi ta’ urbanizzazzjoni—hija pjan għall-bini ta’ bliet u rħula li huma konxji għall-ambjent, inklussivi, u ċċentrati fuq in-nies.

Proġetti:

1. Ħ’Attard: Jiżdiedu ż-żoni pedonali inkluż  madwar il-pjazza u l-introduzzjoni mill-ġdid tas-siġar taċ-ċitru għall-benesseri tal-komunità.

2. In-Naxxar: Rinnovar ta’ Triq John Ayde b’disinn iktar pedonali u tħawwil ta’ siġar indiġeni.

3. Ħaż-Żebbuġ: It-trasformazzjoni taż-żona ta’ Ħal Mula fi spazju aktar sostenibbli, żoni pedonali prijoritizzati b’multi-purpose sports courts u infrastruttura ekoloġika.

4. Is-Siġġiewi: Titjib ta’ 3km ta’ Triq Mons. Mikiel Azzopardi b’passaġġi għar-roti, miżuri ta’ sigurtà pedonali u spazji ħodor.

5. L-Imsida: Triq Oscar Zammit issir temporanjament pedonali biex tippromwovi avvenimenti komunitarji u mobbilità urbana sostenibbli.

6. Fgura: Riorganizzazzjoni ta’ Triq Hompesch fi slow street b’passaġġi wesgħin, siġar indiġeni, u immaniġġjar tal-ilma tax-xita biex titjieb l-aċċessibbiltà u l-estetika.

7. Ir-Rabat: It-trasformazzjoni tas-Saqqajja fi spazju pubbliku aħdar b’bijodiversità ppreservata, immaniġġjar tal-ilma tax-xita, u faċilitajiet li jospitaw avvenimenti fil-komunità.

8. Il-Mosta: Riġenerazzjoni ta’ ġnien, toroq b’disinn pedonali u b’infrastruttura mtejjba tal-ilma tax-xita u aktar żoni ħodor fil-qalba tal-Mosta.

9. Il-Mellieħa: Rikonfigurazzjoni ta’ Triq Selmun għal aċċess aktar sigur għall-mixi, infrastruttura ħadra, u ġbir ta’ ilma tax-xita għal tisqija sostenibbli.

10. Il-Furjana: Żieda ta’ bike lanes u kurituri ħodor tul Xatt iċ-Ċangatura biex jitjieb l-aċċess għall-persuni mixjin, jitnaqqas it-tniġġis tal-istorbju, u jinħoloq spazju komunitarju.

11. Ħal Safi: Disinn mill-ġdid ta’ Misraħ il-Knisja biex tingħata prijorità pedonali, jitnaqqas it-traffiku, u tinħoloq pjazza aktar sigura u ekoloġika għall-interazzjoni soċjali.

12. Ħal Kirkop: Titjib ta’ Triq il-Madonna tan-Niċċa b’bankini usa’, żoni ħodor, u sistemi ta’ ġbir ta’ ilma tax-xita biex titrawwem is-sigurtà u s-sostenibbiltà.

13. Ħal Tarxien: It-trasformazzjoni ta’ Triq San Tumas b’titjib fl-infrastruttura pedonali u ħadra, flimkien mal-immaniġġjar tal-ilma tax-xita u żoni fejn wieħed jista’ jirrilassa.

14. Iż-Żurrieq: Żvilupp mill-ġdid ta’ Misraħ Santa Marija b’pavimentar, qsari, u funtana biex tingħata prijorità pedonali fiċ-ċentru tar-raħal.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport