Saturday, January 18, 2025

Imħabbra l-ewwel żewġ skemi għal din is-sena mill-MCVS għas-settur tal-volontarjat

Aqra wkoll

Tħabbru l-ewwel żewġ skemi għal din is-sena mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS). Dawn huma l-NGO Co-Financing Fund (NCF) li tipprovdi lill-għaqdiet volontarji l-persentaġġ ta’ kofinanzjament li l-fondi Ewropej ma jkoprux, u t-Training Initiatives Scheme (TIS) li hija skema li toffri appoġġ finanzjarju għal taħriġ lill-għaqdiet volontarji u lill-membri tagħha.

It-tnedija tal-iskemi saret għand il-Fondazzjoni St Jeanne Antide, għaqda volontarja li tispeċjalizza f’każijiet ta’ familji jew individwi vulnerabbli. Din il-Fondazzjoni bbenefikat minn diversi skemi tal-MCVS u bħalissa qed torganizza taħriġ iffinanzjat mill-iskema TIS.

Il-Ministru Julia Farrugia fissret kif dawn l-iskemi maħruġa mill-MCVS huma għodda kruċjali għall-għaqdiet volontarji. “Is-settur tal-volontarjat huwa l-qalba tas-soċjetà tagħna u jirrifletti l-aqwa valuri tal-komunitajiet tagħna – solidarjetà, għaqda, u għotja ta’ ħin u enerġija għal ġid komuni.”

“Permezz ta’ dawn l-iskemi, mhux biss qed nagħtu spinta lill-għaqdiet volontarji biex ikomplu jkunu mutur ta’ bidla pożittiva fis-soċjetà, imma qed ninvestu direttament fil-qalb u r-ruħ tal-komunitajiet tagħna. L-għajnuna finanzjarja għal proġetti kif ukoll it-taħriġ lil voluntiera huma kruċjali biex nassiguraw settur li jkompli jevolvi, jissaħħaħ, u jirrispondi għall-isfidi tal-lum. B’dan l-impenn, qed nippromwovu soċjetà aktar inklużiva, attiva u ġusta, fejn kull individwu jħossu parti minn din il-mixja kollettiva lejn futur aħjar,” temmet tgħid Farrugia.

Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-MCVS qal, “Kull darba li nħabbru fondi ġodda, inkunu qed nagħmlu dan għax nafdaw li s-settur ser jikkonkorri bi proġetti u ideat għal taħriġ l-aktar bżonjuż fis-settur. Din hija xhieda ta’ settur dinamiku u li jkompli jevolvi mas-soċjetà li ngħixu fiha”.

Melanie Piscopo, Direttur Eżekuttiv tal-Fondazzjoni St Jeanne Antide, spjegat li permezz ta’ dawn l-iskemi, għaxar voluntiera u impjegati qed jingħataw taħriġ dwar it-tifi tan-nar. Dan il-pass qed jittieħed biex tiġi żgurata s-sikurezza ta’ kulħadd f’każ ta’ emerġenza.

L-NCF tgħin għaqdiet volontarji fil-kofinanzjament ta’ proġetti ffinanzjati minn Fondi Ewropej. L-allokazzjoni għal din is-sena hija ta’ €150,000. Dan il-fond mhuwiex flok Fondi Ewropej iżda jikkumplimentahom, inkluż fondi mill-Unjoni Ewropea, EEA Grants, Norway Grants, Ftehimiet Bilaterali u fondi tal-Kunsill tal-Ewropa. F’disa’ snin, minn meta twaqqfet din l-iskema, ġew allokati għaliha €1.35 miljun u biha bbenefikaw 168 proġett.

L-applikazzjonijiet għall-iskema NCF ta’ din is-sena se jiftħu fis-sit elettroniku vofunding.org.mt mill-Erbgħa 29 ta’ Jannar 2025 f’nofsinhar u se jieħdu l-fondi dawk eliġibbli li japplikaw l-ewwel. L-iskema tagħlaq hekk kif il-fondi kollha jiġu eżawriti. Ser isiru wkoll laqgħat ta’ informazzjoni sabiex ikunu ta’ gwida għall-għaqdiet matul il-proċess tal-applikazzjoni.

Min-naħa l-oħra, permezz tat-TIS, għaqdiet volontarji u membri ta’ għaqdiet volontarji jistgħu jiksbu appoġġ finanzjarju għat-taħriġ tagħhom. Għal din l-iskema hemm allokati €40,000.

L-iskema fiha żewġ programmi separati, wieħed għall-individwi membri ta’ għaqdiet volontarji sabiex jattendu taħriġ, u l-ieħor fuq livell organizzattiv għall-għaqdiet. It-taħriġ jista’ jkun kemm lokali jew anki barra minn Malta fil-każ ta’ individwi, filwaqt li l-attendenza tista’ tkun kemm fiżika jew online. Is-suġġett tat-taħriġ għandu jkun jew relatat speċifikament max-xogħol tal-għaqda volontarja jew inkella fuq il-volontarjat b’mod ġenerali.

Minn meta twaqqfet din l-iskema fl-2018, ġew allokati madwar €340,000 f’fondi għal taħriġ.

L-applikazzjonijiet għal din l-iskema se jiftħu fis-sit elettroniku vofunding.org.mt mill-Erbgħa 12 ta’ Frar 2025 f’nofsinhar sal-Ħamis 13 ta’ Marzu 2025 f’nofsinhar. Ser isiru wkoll laqgħat ta’ informazzjoni sabiex ikunu ta’ gwida għall-għaqdiet matul il-proċess tal-applikazzjoni.

L-għaqdiet li japplikaw għall-fondi jeħtieġ li jkunu rreġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.​​

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport