Saturday, October 26, 2024

Imħabbra l-iskemi tat-TV Production and Content Fund 2022 u tal-Media Content Scheme

Aqra wkoll

Il-gvern impenjat li jkompli jagħmel dak kollu possibbli biex l-ekonomija tibqa’ titjieb f’kull settur biex minnha jgawdi kulħadd, kif ukoll biex it-talent kreattiv Malti jibqa’ jissaħħaħ.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, ħabbar nofs miljun ewro allokati għal żewġ skemi, it-TV Production and Content Fund 2022 u l-Media Content Scheme.

Il-Ministru Carmelo Abela qal li wara li s-sena li għaddiet tnediet, għall-ewwel darba, it-TV Production and Content Fund, liema fond intlaqa’ tajjeb ħafna mill-industrija, din is-sena l-gvern qed jerġa’ jħabbar din l-iskema.

Il-Ministru Abela ħabbar ukoll li, wara rispons mingħand diversi għaqdiet, il-gvern jinsab f’pożizzjoni li jħabbar l-iskema Media Content Scheme, li se tkun iffukata fuq l-NGOs u l-għaqdiet volontarji.

Waqt id-diskors tiegħu, il-ministru qal li, “Fix-xhur li għaddew ħdimna għal xandir tal-ogħla kwalità, xandir li jilħaq kemm jista’ jkun nies, xandir li jippreżenta t-talent Malti bl-aħjar mod possibbli.” Żied jgħid li l-PBS irid ikun pjattaforma li permezz tagħha kumpaniji oħra jistgħu jikbru u jkollhom preżenza mhux biss hawn Malta iżda wkoll internazzjonalment.

It-TV Production and Content Fund 2022 se jkompli jrawwem u jassisti l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ kontenut maħsub speċifikament għat-televiżjoni u għall-pjattaformi onlajn. Il-ministru spjega li permezz ta’ dan il-fond, qed ngħinu lid-djar tal-produzzjoni tagħna jipprovdu kontenut li jkun żviluppat u attraenti għal udjenzi lokali u barranin.

Dwar il-Media Content Scheme, il-ministru spjega li wara li fl-aħħar xhur ħdimna biex fuq il-mezzi tax-xandir ikun hemm materjal aktar edukattiv; li jgħin lin-nies jitgħallmu, mhux biss fuq materji internazzjonali jew nazzjonali imma anke fl-ambitu lokali, din l-iskema se toffri wkoll iċ-ċans lill-għaqdiet volontarji biex jimbuttaw il-proġetti tagħhom.

Fil-konklużjoni tiegħu, il-ministru qal li permezz ta’ dawn iż-żewġ skemi, “Il-gvern qed jerġa’ jikkonferma l-impenn tiegħu lejn it-tkabbir u l-iżvilupp ta’ din l-industrija tal-films, ngħinu lid-djar tal-produzzjoni tagħna jikbru u joħolqu kontenut li jrendilhom u nilħqu l-mira li jkollna titjib fil-kwalità tal-produzzjonijiet.”

Id-dettalji kollha dwar iż-żewġ skemi, kif ukoll l-applikazzjonijiet, huma disponibbli fis-sit tal-ministeru, www.msd.gov.mt

Waqt il-konferenza, il-Ministru Carmelo Abela ppreżenta ittra ta’ impenn lil dawk li l-applikazzjonijiet tagħhom ikkwalifikaw għal fondi mit-TV Production and Content Fund 2021.

Sport