Il-Malta FA ħabbret formazzjoni Teknika ġdida għat-Timijiet Nazzjonali tal-Irġiel għall-istaġun 2025/26, inklużi xi ħatriet ewlenin.
L-istaff tekniku l-ġdid, immexxi mill-coach tat-Team Nazzjonali, Emilio De Leo, flimkien mal-assistant coach tat-Timijiet Nazzjonali, Pietro Matafora, id-Direttur tal-Amministrazzjoni u l-Operazzjonijiet, Roderick Vella u l-Koordinatur Tekniku Ivan Woods, se jgħaddi minn xi bidliet f’kategoriji differenti.
Team Nazzjonali A
It-Team Nazzjonali tal-Kbar, immexxi mill-coach Emilio De Leo, flimkien mal-assistant coaches, Pietro Matafora, Ivan Woods u Mirko Valdifiori, se jinkludi żidiet ġodda bil-ħatriet ta’ Francesco Cotugno bħala coach tal-goalkeepers u Fabio Esposito bħala coach tal-fitness, b’dan tal-aħħar jingħaqad mal-coach attwali, Luca Pagani.
Cotugno huwa eks goalkeeper professjonali li lagħab fis-Serie C u s-Serie D matul il-karriera tiegħu. Huwa wkoll eks internazzjonali Taljan ta’ Taħt il-21 sena, li lagħab ukoll ma’ Benevento Calcio. Wara li rtira, Cotugno nħatar coach tal-goalkeepers ma’ clubs Taljani differenti kif ukoll kellu perjodi ta’ suċċess mal-clubs Ċiniżi, Tianjin Quanjian u Guangzhou Evergrande. Riċentement serva għal staġun bħala coach tal-goalkeepers, f’Benvento Calcio. Barra minn hekk, għandu wkoll liċenzja tal-goalkeepers Diploma B tal-UEFA, iċċertifikata mill-Federazzjoni Taljana tal-Football.
Esposito huwa trainer atletiku b’esperjenza, wara li għal diversi snin serva bħala Kap tal-preparazzjoni fiżika f’diversi clubs Taljani matul il-karriera estensiva tiegħu. Dawn jinkludu perjodi ma’ Cagliari Calcio, Virtus Entella Chiavari, US Cremonese Calcio, SPAL, u US Avellino Calcio, fost oħrajn. Huwa wkoll kwalifikat bħala trainer atletiku professjonali tal-GIFC u għandu wkoll kwalifika ta’ Coach B tal-UEFA.
It-Team Nazzjonali ta’ Taħt il-21 sena
Taħt il-gwida tal-coach Davide Mazzotta, it-Team Nazzjonali ta’ Taħt il-21 sena, se jkun assistit minn Stefano Grima u Paul Gatt, żewġ coaches b’esperjenza fi ħdan is-set-up tekniku tat-timijiet nazzjonali.
Il-bqija tal-istaff tekniku jinkludi lil Ivan Rivera bħala coach tal-goalkeepers, David Fenech bħala coach tal-fitness u Gabriele Tumino bħala analista tal-logħob.
It-Team Nazzjonali ta’ Taħt id-19-il sena
It-Team Nazzjonali ta’ Taħt id-19-il sena issa se jkun immexxi minn Salvatore Colantuono. Huwa se jkun assistit minn Jonathan Holland.
Colantuono huwa coach b’esperjenza u analista tal-logħob, b’liċenzja A tal-UEFA fil-coaching. Matul il-karriera tiegħu mexxa numru ta’ timijiet fl-Italja. Fl-istaġun li għadda biss, kien coach ta’ Parma Women, u wassal lit-team għal promozzjoni memorabbli għall-ogħla diviżjoni.
L-istaff tekniku se jinkludi wkoll lil Alex Ramella bħala coach tal-goalkeepers, Andrea Grech bħala coach tal-fitness, u Roderick Bajada bħala analista tal-logħob.
It-Team Nazzjonali ta’ Taħt it-18-il sena
It-Team Nazzjonali ta’ Taħt it-18-il sena se jkun immexxi mill-coach Stefano Grima, li issa se jkun assistit mill-coach Salvatore Colantuono, filwaqt li Ivan Rivera se jservi bħala coach tal-goalkeepers, Andrea Grech u Gabriele Tumino se jservu bħala coach tal-fitness u analista tal-logħob rispettivament.
It-Team Nazzjonali ta’ Taħt is-17-il sena
Francesco Macri se jibqa’ l-coach tat-Team Nazzjonali ta’ Taħt is-17-il sena, b’Adrian Buttigieg jassistih.
Barra minn hekk, Jonathan Vella se jservi bħala coach tal-goalkeepers, b’Emerson Farrugia bħala coach tal-fitness u Antonio Di Marino bħala analista tal-logħob.
It-Team Nazzjonali ta’ Taħt is-16-il sena
Il-coach Davide Mazzotta issa se jkun qed imexxi wkoll lit-Team Nazzjonali ta’ Taħt is-16-il sena, irwol doppju mmirat speċifikament biex jagħti l-gwida meħtieġa mill-bidu tal-perkors tal-iżvilupp tal-players.
F’dan l-irwol ġdid, se jkun assistit minn Francesco Macri, li se jservi wkoll bħala analista tal-logħob.
Il-bqija tal-istaff tekniku jinkludi lil Alex Ramella bħala coach tal-goalkeeper, Fabio Esposito bħala coach tal-fitness, u Luigi Miccio bħala analista tal-logħob.
It-Team Nazzjonali ta’ Taħt il-15-il sena
It-Team Nazzjonali ta’ Taħt il-15-il sena se jkompli jitmexxa mill-coach Jonathan Holland.
F’dan l-irwol, se jkun assistit minn Charles Sciberras, b’Francesco Cotugno jservi bħala coach tal-goalkeepers. Andrea Grech se jservi bħala coach tal-fitness, b’Antonio Di Marino bħala analista tal-logħob.
Id-Dipartiment tal-Prestazzjoni
Id-Dipartiment tal-Prestazzjoni se jkollu wkoll coach ġdid tal-iStrength and Conditioning, jiġifieri Andrea Spagnolo.
Spagnolo huwa sport scientist kwalifikat ħafna b’aktar minn erba’ snin esperjenza jaħdem f’għadd ta’ clubs tal-football ta’ livell għoli madwar ir-Renju Unit, inklużi Wolverhampton Wanderers (Wolves) FC, Blackpool FC u Oldham Athletic FC. Huwa partikolarment espert fl-ippjanar tar-reżistenza u tat-taħriġ fil-ground sabiex jindirizza l-problemi u l-ippjanar li jġib miegħu dan l-isport.
Fil-ġimgħat li ġejjin, il-kwartieri taċ-Ċentru Tekniku tal-MFA se jiġu rilokati fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Football il-ġdid fil-Kumpless tal-Football, f’Ta’ Qali.
Il-Malta FA xtaqet tirringrazzja lill-professjonisti li se jħallu l-kariga tagħhom għas-servizzi tagħhom mogħti lill-Assoċjazzjoni matul is-snin u awguratilhom l-aqwa ġid fl-isforzi futuri tagħhom.