Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul ħabbar qafas leġiżlattiv ġdid li ser ikun qiegħed isaħħaħ il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Ellul qal li fl-aħħar snin kien hemm żieda fl-attività tal-ħaddiema tal-pjattaforma diġitali, iżda sfortunatament ħafna minn dawn il-ħaddiema kienu qed jiġu suġġetti għal numru ta’ irregolitajiet u kundizzjonijiet miżeri. Il-liġi eżistenti ma kinitx b’saħħitha biżżejjed biex tindirizza dan is-settur u kien għalhekk li l-Gvern ħass il-bżonn li jirregola s-settur mill-aktar fis, saħansitra qabel ma tiġi maqbula l-proposta tad-Direttiva Ewropea f’dan ir-rigward.
Obbligi għal min iħaddem
Ellul qal li permezz ta’ din il-liġi issa min iħaddem ser ikun obbligat li fost l-oħrajn jipprovdi lill-ħaddiema kuntratt ta’impjieg, paylisip dettaljata, paga minima, leave, u bonuses. Barra minn hekk qed ikun obbligat li joffri informazzjoni trasparenti ta’ kif taħdem l-algorithm, f’termini ta’ prestazzjoni sigħat tax-xogħol u informazzjoni oħra, liema informazzjoni trid tiġi wkoll ippreżentata lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali impjiegi.
Ellul, spjega li ser ikun hemm tliet xhur ċans qabel ma jibdew japplikaw r-regolamenti mħabbra, dan sabiex l-pjattforma inkwistjoni, l-aġenziji li jħaddmu lill-ħaddiema u l-ħaddiema nnifishom ikunu jistgħu jaddattaw għar-regoli l-ġodda.
Kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli
Is-Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll tibdiliet fil-liġi Maltija bl-għan li jiġu assigurati kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli. Andy Ellul qal li b’dawn it-tibdiliet il-Gvern ser ikun qed jittrasponi d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea u jwettaq wegħda elettorali oħra.
Is-Segretarju Parlamentari qal li b’dawn it-tibdiliet issa ifisser li min iħaddem għandu d-dmir li jipprovdi informazzjoni kompluta dwar l-aspetti essenzjali ta’ responsabbilta` li l-ħaddiem għandu jirċievi bil-miktub fil-bidu tal-impjieg. Huwa qal li barra minn hekk il-liġi ser tkun qed tagħti serħan il-moħħ u aktar stabbilta` lill-ħaddiema. Dan għaliex fost oħrajn il-liġi ser tkun qed tistipola l-perjodu ta’ probation għal sitt xhur; li wieħed ikun jista’ jistaqsi għall-kundizzjonijiet aktar sikuri fuq il-post tax-xogħol; u li min iħaddem għandu d-dritt li joffri taħriġ bla ħlas lill-ħaddiema tiegħu f’każ li dan ikun obbligatorju.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal li permezz ta’din il-liġi min iħaddem mhux ser ikun jista’ jżomm lill-ħaddiem milli jaħdem xogħol ieħor barra mix-xogħol tiegħu, apparti f’każijiet ta’ kunfidenzjalità, saħħa u sigurtà u kunflitt t’interess. B’din il-liġi, il-kuntratti ta’ żero sigħat ser ikunu projbiti, ħlief għal ħaddiema studenti full time u meta n-natura tax-xogħol tirrikjedi sostituzzjoni ta’ ħaddiem fi żmien qasir u sakemm il-kuntratt t’impjieg ma jkunx wieħed full time.
Is-segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali qal li ż-żewġ liġijiet li ġew mħabbra kienu diskussi fit tul mal-imsieħba soċjali f’diversi laqgħat tal-Bord tar-relazzjonijiet u l-impjiegi.
Saħaq li dawn id-deċiżjonijiet jikkonfermaw kemm il-Gvern mhux biss ser ikun qed jimplimenta miżura elettorali oħra sabiex ikompli jissalvagwardja l-interessi tal-ħaddiema iżda qiegħed jibagħat messaġġ ċar li l-ħaddiem dejjem kien u ser jibqa’ ikun ta’ prijorita`għal dan il-Gvern.