Saturday, September 28, 2024

Imħabbra numru ta’ inizjattivi bejn EquestriMalta u l-Malta Racing Club

Aqra wkoll

B’investiment ta’ madwar €300,000 se jkun hemm diversi inizjattivi li se jittieħdu bejn EquestriMalta u l-Malta Racing Club biex il-Malta Racing tkun tista ttejjeb l-operat tagħha u fl-istess ħin jidħlu fis-seħħ diversi miżuri ġodda. Fost l-inizjattivi l-ġodda mistennija tidħol driver allowance għal kull tiġrija li tinstaq mis-sewwieqa tat-trott. Se jissaħħu l-miżuri tal-anti-doping u wkoll l-assistenza medika għas-sewwieqa u ż-żwiemel waqt it-tiġrijiet.

Dan jikkumplimenta l-assistenza finanzjarja diretta lis-sidien biex jikkompetu fi Sqallija fl-Island’s Championship biż-żwiemel tagħhom u għajnuna oħra għal aktar parteċipazzjoni f’avvenimenti internazzjonali. Dawn kollha se jsiru wara numru ta’ laqgħat kontinwi li l-Awtorità EquestriMalta kellha u qed ikollha mal-partijiet kollha f’dan is-settur.

Dan tħabbar meta l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima żar il-korsa taż-żwiemel il-Marsa u ltaqa’ ma’ bosta sidien, sewwieqa u dilettanti waqt it-taħriġ tagħhom is-Sibt filgħodu. Wara l-waqfa tas-sajf, għada l-Ħadd, jitkompla l-istaġun tat-trott. Jakkumpanjaw lill-Ministru Grima fiż-żjara tiegħu kien hemm iċ-Chairman ta’ EquestriMalta John Huber u l-Kap Eżekuttiv Max Zammit, flimkien mat-tmexxija tal-Malta Racing Club.

Konxju tan-numru ta’ sfidi li hemm, il-Ministru Grima sema’ mill-viċin lis-sidien u wiegħed li mhux biss se jibqa’ jkun ta’ spalla kontinwa, imma se jagħmel dak li kollu li jista’ biex jara li dak li ġie mwiegħed iseħħ.

Il-Ministru Grima tenna kif EquestriMalta ma waqfitx tkun ta’ stimulu fis-settur kemm bl-għajnuna finanzjarja kontinwa li toffri, imma wkoll bl-introduzzjoni ta’ prattiċi ġodda u oħrajn li kienu ilhom neqsin minn dan l-isport. Jispikkaw inizjattivi bħall-introduzzjoni mil-ġdid tal-Grand Final, il-kunċett taż-żigarella, skambji sportivi kull sena, tiġrijiet aktar strutturati tal-ponijiet u d-dilettanti u wkoll kampjonati u tiġrijiet ġodda. Il-Ministru Clifton Grima appella għall-għaqda fuq il-proġett tal-korsa u tenna li l-Gvern se jonora dak li ġie mwiegħed.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta Max Zammit, saħaq kif dawn l-inizjattvi joffru aktar serħan il-moħħ fl-amministrazzjoni tal-Malta Racing Club u kif ukoll l-introduzzjoni tal-allowance tas-sewwieqa, se sservi wkoll ta’ incentiv u għajnuna lis-sewwieqa u anki lis-sidien.

Ic-Chairman ta’ EquestriMalta John Huber tenna kif dawn l-inizjattivi u riżultati huma kollha frott numru ta’ laqgħat kontinwi li l-awtorità EquestriMalta kellha u għadu jkollha mal-partijiet kollha f’dan is-settur. Żied jgħid li l-awtorità se tkompli tisma’ u tibqa’ miftuħa għall-isportivi kollha fis-settur, bil-għan li dan l-isport jkompli jiġi mtejjeb.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport