Dalgħodu, waqt konferenza tal-aħbarijiet, tnediet ir-raba’ edizzjoni tal-Malta Business Awards, li għal sena oħra se tkun qed tittella’ mill-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji flimkien mal-Malta Enterprise.
F’din l-edizzjoni, wieħed jista’ jipparteċipa fi tliet kategoriji: Unur għall-Inizjattivi Distinti, Unur għall-Ambaxxaturi Innovattivi u Sostenibbli, u Unur li Jirrikonoxxi l-Kisbiet ta’ Negozju.
L-applikazzjonijiet infetħu l-Ħamis li għadda u se jingħalqu fl-14 ta’ Lulju. Il-finalisti se jitħabbru fis-16 ta’ Settembru, filwaqt li s-serata finali se tittella’ fis-7 ta’ Novembru ġewwa Dar il-Mediterran fil-Belt Valletta.
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri spjega kif dawn l-unuri huma mmirati lejn in-negozji Maltin sabiex jingħatalhom ir-rikonoxximent li jistħoqqilhom. “Dan jissarraf fil-viżjoni ċara ta’ dan il-Gvern – viżjoni ta’ fejn irridu naslu, u kif qed niggwidaw lin-negozji tagħna fit-triq ’il quddiem għal iktar suċċess,” temm jgħid il-Ministru Schembri.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise George Gregory qal li l-Malta Business Awards huma ċelebrazzjoni tal-eċċellenza, l-innovazzjoni u l-impenn lejn is-sostenibbiltà fil-komunità tan-negozju f’Malta. “Bħala Malta Enterprise, aħna kburin li nappoġġjaw inizjattivi bħal dawn li jagħtu rikonoxximent lill-kumpaniji li qed jagħmlu differenza pożittiva fl-ekonomija tagħna. Dawn l-unuri mhux biss jagħrfu s-suċċess, iżda wkoll jispiraw oħrajn biex jimxu fuq l-istess passi,” spjega Gregory.
Il-President tal-Malta Chamber of SMEs, Paul Abela, qal li r-raba’ edizzjoni tal-Malta Business Awards ser tkompli tibni fuq is-suċċess li nkiseb fl-ewwel tliet edizzjonijiet, u li l-għan tagħha hu li tirrikonoxxi l-inizjattivi u n-negozji li jiddistingwu ruħhom. Abela ħeġġeġ lin-negozji sabiex japplikaw f’din iċ-ċelebrazzjoni tan-negozji Maltin u Għawdxin.
Wieħed jista’ jżur is-sit uffiċjali maltabusinessawards.mt sabiex jikseb aktar informazzjoni relatata.