Tuesday, December 24, 2024

Imħabbra r-rebbieħa ta’ Premju Servizz bi Tbissima 2023

Aqra wkoll

Waqt ċerimonja, l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ħabbret ir-rebbieħa tat-tmien edizzjoni ta’ Premju Servizz bi Tbissima.

Fid-diskors tagħha waqt iċ-ċerimonja, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli qalet li inizjattivi bħal Premju Servizz bi Tbissima jenfasizzaw l-importanza li għandha tingħata lill-customer care u after sales service. Kompliet li r-reklami u l-offerti jattiraw lill-konsumaturi lejn negozju iżda biex negozju jirnexxi u jikber irid ikun hemm fiduċja min-naħa tal-konsumatur li meta tinqala’ problema bil-prodott jew servizz mixtri, il-bejjiegħ ikun hemm biex jgħinhom isolvu l-problema. Saħqet li huwa dan is-servizz li jiddistingwi kumpanija minn oħra.

Il-Ministru Farrugia Portelli fakkret li din is-sena kienet waħda fejn issaħħet l-għodda legali tal-konsumatur b’liġijiet ġodda fil-Parlament. Fissret li inizjattiva bħal din turi wkoll kemm din l-Awtorità qed taħdem biex issaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-konsumaturi u n-negozjanti. Hija kompliet tgħid li dan il-premju jispira pożittività u jagħti enerġija lis-settur tan-negozju biex ikompli jtejjeb il-kwalità tas-servizz li jipprovdu lill-konsumaturi.

Fl-indirizz tagħha, iċ-Chairperson tal-MCCAA, l-Inġ. Helga Pizzuto tkellmet dwar kif il-missjoni tal-MCCAA ma tiffokax biss fuq l-edukazzjoni u t-tisħiħ tal-konsumaturi iżda wkoll fuq il-ħidma flimkien mal-partijiet interessati, inklużi n-negozji u dawk li jfasslu l-politika, biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet multi dimensjonali li għandhom impatt fuq il-benesseri tal-konsumaturi.

L-Inġ. Pizzuto spjegat li l-inizjattiva Servizz bi Tbissima hija xhieda tal-impenn tal-MCCAA li trawwem djalogi miftuħa u onesti mal-partijiet interessati. Hija rringrazzjat lill-kumpaniji nominati għall-impenn tagħhom u għall-kollaborazzjoni tagħhom mal-Awtorità biex jinbena futur reżiljenti u prosperu għall-konsumaturi f’Malta.

Id-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur, Grace Stivala tkellmet dwar kif il-kompetizzjoni Premju Servizz bi Tbissima hija għodda importanti li tikkontribwixxi għall-bini ta’ relazzjoni pożittiva bejn il-konsumaturi u l-bejjiegħa. Permezz ta’ din il-kompetizzjoni, il-konsumaturi juru l-apprezzament tagħhom lejn dawk il-kummerċjanti li joffrulhom servizz tajjeb u dan iħeġġeġ lis-settur tan-negozju biex ikompli jtejjeb is-servizz tagħhom.

Is-Sinjura Stivala qalet ukoll li l-bejjiegħa għandhom iżommu ruħhom aġġornati mal-liġijiet tal-konsumatur sabiex jiżguraw li ma jkollhomx ilmenti bla bżonn li jista’ jkollhom impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni tagħhom. Hija nnotat li l-lealtà tal-konsumatur għandha rwol importanti wkoll fis-suċċess ta’ negozju.

L-edizzjoni ta’ din is-sena kienet magħmula minn sitt kategoriji u l-votazzjoni mill-pubbliku saret bejn id-19 ta’ Lulju u s-16 ta’ Awwissu 2023.

Ir-rebbieħa ta’ kull kategorija kienu dawn :

Il-kategorija ta’ Prodotti Elettroniċi u Affarijiet għad-Dar intrebħet minn SCAN

It-tieni post: Top Choice

It-tielet post: Triple A

Il-kategorija ta’ Bejjiegħa Lokali Onlajn intrebħet minn tappwater.mt

It-tieni post: bottarga.com.mt

It-tielet post: scanmalta.com

Il-kategorija Moda u Sbuħija ntrebħet minn Mvintage

It-tieni post: Inglot

It-tielet post: Deborah Mifsud Hair and Beauty

Il-kategorija Servizzi tal-Ivvjaġġar u tat-Trasport intrebħet minn Sisu Tours

It-tieni post: Micallef Joe Travel

It-tielet post: Rocs Travel

Il-kategorija Supermarkets u Mini Markets intrebħet minn Greens Supermarket

It-tieni post: Maypole

It-tielet post: Nigret Butcher

Il-kategorija Ħwienet tal-Annimali u tal-Pjanti ntrebħet minn Piscopo Gardens

It-tieni post: Betty’s Raw Recipes

It-tielet post: Borg Cardona Pet Supplies

Din is-sena ġew innominati ’l fuq minn 1,300 bejjiegħ u kumpaniji differenti fis-sitt kategoriji. L-aqwa ħamsa f’kull kategorija ġew iċċekkjati mill-Bord ta’ Servizz bi Tbissima sabiex jiġi aċċertat li l-voti li rċevew dawn il-kumpaniji kienu validi u skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Il-Bord ikkonferma wkoll li l-kumpaniji u l-bejjiegħa nominati huma konformi mal-kodiċi ta’ kondotta tal-premju. Il-kumpaniji li klassifikaw fl-ewwel post ta’ kull kategorija ngħataw trofew, ċertifikat u d-dritt li jużaw il-logo ta’ Servizz bi Tbissima fuq materjal promozzjonali.

Ekonomija

Sport