Jacob Callus hu r-rebbieħ ta’ Premju Soċjetà Ġusta 2025. Ir-rebbieħ tħabbar mill-President ta’ Malta, l-E.T. Myriam Spiteri Debono fil-preżenza tal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia.
Ġew nominati total ta’ 11-il għaqda jew individwu fit-tliet kategoriji rispettivi li huma:
(i) Premju lill-għaqda volontarja għal Ħidma għat-Tisħiħ tal-Inklużjoni
(ii) Premju għal Kisba tul il-Ħajja fis-Settur tad-Diżabilità
(iii) Premju Soċjetà Ġusta għal individwu b’diżabilità li ħalla marka pożittiva fuq is-settur
Premju Soċjetà Ġusta, hu maħsub biex jirrikonoxxi individwu jew individwi b’diżabilità li juru kwalitajiet li permezz tagħhom jagħmlu differenza kbira u pożittiva fis-settur. Jacob Callus huwa wieħed minn dawk li l-impenn tiegħu jagħmel differenza tanġibbli fil-ħajja ta’ oħrajn. Matul is-snin, Callus ħadem bla heda biex jippromwovi l-parteċipazzjoni sħiħa ta’ persuni b’diżabilità f’kull livell tas-soċjetà, kemm permezz tal-ħidma diretta tiegħu ma’ diversi organizzazzjonijiet kif ukoll bħala vuċi pubblika li titkellem favur id-drittijiet u d-dinjità ta’ kulħadd. L-entużjażmu, il-professjonalità u l-kapaċità tiegħu li jispira lil oħrajn jagħmluh mudell ta’ kuraġġ u dedikazzjoni lejn il-prinċipji tal-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali.
Il-Premju għall-Kisba tul il-Ħajja fis-Settur tad-Diżabilità ngħata lil Melissa Pace, li tul is-snin ħadmet bla waqfien biex tippromwovi d-drittijiet u d-dinjità tal-persuni b’diżabilità. B’esperjenza vasta fil-qasam edukattiv u fil-politika soċjali, Pace kienet dejjem vuċi qawwija favur l-inklużjoni, u l-ħolqien ta’ opportunitajiet ugwali. L-impenn tagħha ma kienx biss professjonali iżda wkoll personali, billi f’kull pass tal-karriera tagħha wriet empatija, tmexxija u viżjoni ċara ta’ pajjiż fejn kulħadd jingħata ċ-ċans jikkontribwixxi bis-sħiħ. Ix-xogħol u l-impatt tagħha jibqgħu ta’ ispirazzjoni għal dawk kollha li jemmnu f’Malta li tassew tħaddan il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali u tal-inklużjoni.
Finalment, il-Premju għall-Għaqda Volontarja għal Ħidma għat-Tisħiħ tal-Inklużjoni ngħata lis-Service Dogs Malta Foundation, li f’dawn l-aħħar snin tat kontribut eċċezzjonali lejn il-promozzjoni tal-inklużjoni u l-indipendenza ta’ persuni b’diżabilità. L-għaqda twaqqfet bil-missjoni li tħarreġ u tipprovdi klieb tas-servizz imħarrġa apposta biex jgħinu fil-ħajja ta’ kuljum lil dawk li jaffaċċjaw sfidi fiżiċi, sensorjali jew mediċi. Il-ħidma tagħhom tmur lil hinn mill-appoġġ individwali, hekk kif permezz ta’ kampanji edukattivi, taħditiet fl-iskejjel u kollaborazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet diversi, qed ixerrdu kultura ta’ rispett u għarfien dwar id-drittijiet ta’ dawk l-individwi li jagħmlu użu minn kelb tas-servizz. Il-viżjoni tagħhom hija waħda li tħaddan l-inklużjoni fil-prattika.
Il-President ta’ Malta, l-E.T. Myriam Spiteri Debono qalet li “dawn ir-rikonoxximenti jfakkruna f’għażliet importanti li nagħmlu ta’ kuljum, u li bihom nibnu soċjetà li ma tagħlaqx il-bibien tagħha quddiem l-ebda individwu, u li tħaddan lil kulħadd b’rispett u dinjità.” Ħeġġet mhux biss lil dawk kollha li jaħdmu fis-settur tal-inklużjoni, imma wkoll lis-soċjetà b’mod ġenerali, biex jagħrfu l-potenzjal u l-abbiltajiet ta’ kull individwu u l-importanza li kull wieħed u waħda minna għandu/ha fil-ħajja ta’ kuljum, mingħajr l-ebda distinzjoni.
Fid-diskors tagħha, il-Ministru Julia Farrugia qalet li dawn il-premjijiet huma prova konkreta tal-impenn kontinwu tal-Gvern biex jibni pajjiż fejn kull persuna tħoss li tappartjeni u li għandha l-opportunità li tilħaq il-potenzjal tagħha, irrispettivament mill-isfidi li tista’ taffaċċja. Il-Ministru spjegat li l-viżjoni tal-Gvern tibqa’ dik li tissaħħaħ kultura ta’ rispett, solidarjetà u parteċipazzjoni attiva, fejn kull individwu jingħata l-għodod u l-appoġġ meħtieġa biex jikkontribwixxi bis-sħiħ fis-soċjetà.
“Dawn ir-rikonoxximenti ma jirrappreżentawx biss suċċess personali, imma huma wkoll ċelebrazzjoni ta’ xhieda kollettiva ta’ kif flimkien nistgħu nibnu soċjetà aktar ġusta u li tilqa’ lil kulħadd. Ir-rebbieħa u n-nominati ta’ din is-sena juru biċ-ċar li l-impenn, id-determinazzjoni u s-sens ta’ komunità jistgħu jittrasformaw sfidi f’opportunitajiet. Huma ispirazzjoni għalina lkoll biex inkomplu nimxu ’l quddiem lejn Malta li tassew tħaddan l-inklużjoni fil-prattika, mhux biss fil-kliem,” temmet tgħid il-Ministru.
Matul is-serata, ingħata wkoll rikonoxximent speċjali lil Nick Mercieca, żagħżugħ ta’ 19-il sena li, minkejja l-isfidi li ġġib magħha l-kundizzjoni ta’ Spina Bifida, wera kuraġġ u determinazzjoni straordinarji fil-qasam tal-isport. Nick beda jħobb l-isport minn età żgħira u llum huwa l-uniku atleta bil-wheelchair f’Malta li kiseb ċinturin fil-karate. Barra minn hekk, huwa waqqaf erba’ rekords dinjija fil-para indoor rowing fil-kategorija PR1. F’dawn l-aħħar sentejn, Nick iddedika ruħu għall-para powerlifting, fejn diġà ħa sehem f’kompetizzjonijiet internazzjonali fil-Ġorġja u fl-Eġittu. L-istorja tiegħu hija eżempju ċar ta’ kif id-determinazzjoni, il-passjoni u l-imħabba għall-isport jistgħu jegħlbu kull ostaklu u jispiraw lill-oħrajn biex qatt ma jċedu quddiem l-isfidi.
Waqt is-serata ngħata rikonoxximent speċjali lil Pamela Muscat, li għal aktar minn 22 sena kienet forza pożittiva fil-qasam tal-inklużjoni u l-appoġġ għal persuni b’diżabilità u kundizzjonijiet newrodiversi. Omm ta’ ħames itfal, saret omm fl-età ta’ 23 sena meta welldet lil bintha b’Spina Bifida u Hydrocephalus — esperjenza li wasslitha għall-ħidma fil-qasam tad-diżabilità u l-edukazzjoni inklussiva. Matul 28 sena ta’ servizz fl-iskejjel statali, tat kontribut kbir biex tappoġġja studenti b’bżonnijiet differenti u tippromwovi ambjent edukattiv inklussiv. Hija wkoll mexxiet l-ADHD Family Support Group (illum ADHD Malta), li taħt it-tmexxija tagħha ssaħħet bħala vuċi nazzjonali favur l-għarfien u l-empowerment ta’ individwi u familji. Il-ħidma tagħha testendi wkoll lejn dawk li jiffaċċjaw sfidi soċjali bħal vizzji u faqar. Pamela Muscat tibqa’ eżempju ta’ dedikazzjoni, passjoni u empatija li jispira lil ħafna oħrajn fis-soċjetà.

