Saturday, November 9, 2024

Imħabbra r-riżultati tat-tieni stħarriġ xjentifiku dwar ‘L-Istat tan-Nazzjon’

Aqra wkoll

Fil-ftuħ tal-konferenza nazzjonali ‘L-Istat tan-Nazzjon’, fil-Palazz tal-Verdala, il-President ta’ Malta George Vella rrimarka li t-taħriġ ta’ din is-sena ma jwarrabx dak li sirna nafu s-sena li għaddiet. “It-temi u s-suġġetti li se jiġu diskussi fis-sigħat li ġejjin, huma maħsuba li jibnu fuq dak li sirna nafu dwarna nfusna s-sena li għaddiet, sabiex ikollna stampa dejjem iktar ċara u kompluta”, żied jgħid il-President.

B’referenza għat-temi diskussi, il-President Vella qal li huma kurrenti u anke xi ftit provokattivi għax jolqtu direttament il-ħajja ta’ kuljum tagħna kemm bħala ċittadini individwali, iżda anke bħala poplu b’mod kollettiv. Il-President irrefera għal proġett ieħor tal-presidenza li jindirizza l-għaqda nazzjonali. Stqarr li l-intenzjoni tiegħu hija li permezz tal-istħarriġ jiġu identifikati dawk l-oqsma li għad fadal x’nagħmlu iktar dwarhom b’mod kollettiv, sabiex tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja, u dan mhux mil-lat ekonomiku biss.

Il-President ta’ Malta, George Vella. Ritratt: OPR

Fil-bidu tat-tieni edizzjoni tal-konferenza nazzjonali ‘L-Istat tan-Nazzjon’, l-espert fl-istatistika u lettur fl-Università ta’ Malta Dr Vincent Marmarà qed jippreżenta r-riżultati tal-istħarriġ xjentifiku dwar kif qed tevolvi l-identità nazzjonali Maltija. L-istħarriġ sar bejn it-28 ta’ April u nofs Mejju li għadda minn fost kampjun ta’ 1,064 persuna minn 16-il sena ’l fuq.

Dr Marmarà spjega li minn dan l-istudju ħareġ kemm ir-restrizzjonijiet tal-pandemija kienu qed iħallu effett fuq ħajjet in-nies, hekk kif din is-sena l-poplu stqarr li jinsab aktar kuntent mis-sena l-oħra. Mill-banda l-oħra, innota li l-inflazzjoni qiegħda wkoll tħalli impatt fuq il-poplu minħabba li kien hemm żieda fl-għadd ta’ nies li qalu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom illum hija agħar minn dik ta’ sena ilu. Matul il-preżentazzjoni tal-istħarriġ, Dr Marmarà rrimarka kemm is-sehem tal-familja huwa importanti, inkluż fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Ħareġ li l-poplu jemmen f’Alla imma ma jagħtix l-istess livell ta’ importanza lir-reliġjon, u li għandu għal qalbu ferm in-nazzjon Malti. Madanakollu, Dr Marmarà qal li l-poplu qed jassoċja lilu nnifsu mal-Ewropa aktar minn kemm kien sena ilu.

L-espert fl-istatistika u lettur fl-Università ta’ Malta, Dr Vincent Marmarà. Ritratt: OPR

Fl-isfond li l-istħarriġ sar xahar wara l-elezzjoni ġenerali, Dr Marmarà qal li l-poplu jħoss li l-politika hija inqas importanti għalih u jikkunsidra inqas l-opinjoni tal-partit politiku qabel ifassal l-opinjoni tiegħu. Dr Marmarà rrimarka wkoll l-għatx li għandhom in-nies għall-festi tar-raħal, li jitqiesu bħala l-aktar ħaġa importanti mill-kultura Maltija. 

Il-Konsulent fil-Komunikazzjoni Strateġika, Lou Bondi, qal li r-riżultati tal-istħarriġ ta’ din is-sena jistgħu jitqabblu ma’ dawk tas-sena l-oħra. “Jekk din l-inizjattiva titkompla fis-snin li ġejjin, l-istampa ovvjament tkun dejjem iktar ċara. Fuq kollox ma’ kull sena se nsiru nafu aħjar u bil-fatti fejn sejjer dan in-nazzjon”, żied jgħid is-Sur Bondi.

Dwar it-temi magħżula għall-konferenza din is-sena, is-Sur Bondi qal li huma relevanti b’mod akut għall-istat tan-nazzjon: l-ambjent, il-midja, il-korruzzjoni, l-arkitettura tal-istat, u t-tendenza li nħarsu lejn ħafna materji fuq binarji opposti. Żied li għal darb’oħra, il-kelliema magħżula ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja biex id-diskussjoni tkun rikka u innovattiva u mhux waħda sterili bejn l-esperti.

Indirizzat ukoll il-ftuħ tal-konferenza l-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola. Il-konferenza nazzjonali ‘L-Istat tan-Nazzjon’ qed issir għat-tieni sena konsekuttiva fuq l-inizjattiva tas-Sur Lou Bondi u ta’ Dr Vincent Marmarà, b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-President.

Sport