Monday, December 23, 2024

Imħabbra s-sejħa għall-offerti biex Malta jkollha l-ewwel proġett fuq il-baħar li jiġġenera l-enerġija mir-riħ

Aqra wkoll

Il-Gvern nieda sejħa pubblika sabiex il-pajjiż jiżviluppa l-ewwel proġett fuq il-baħar ta’ enerġija rinnovabbli mir-riħ, tnax-il mil nawtiku ’l barra mix-xatt Malti fiż-Żona Esklussiva Ekonomika. Il-Prim Ministru Robert Abela, f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Forti Sant’Anġlu flimkien mal-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli, saħaq li dan il-proġett innovattiv se jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ pajjiżna fiċ-ċentru tal-Mediterran, b’investiment ta’ enerġija rinnovabbli.

Illum ħarġet sejħa internazzjonali magħrufa bħala pre-qualification questionnaire, li tistieden lis-settur privat jidħol għal dan il-proġett ta’ turbini tar-riħ galleġjanti. Il-PQQ jinkludi d-dettalji ewlenin tal-proġett. F’din il-fażi, il-partijiet interessati ser ikollhom l-opportunità jipprovdu prova tal-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji tagħhom. Din l-informazzjoni mbagħad se tintuża biex jintgħażlu l-kumpaniji bl-ogħla ranking sabiex javvanzaw għall-fażi li jmiss.

Huma biss l-aqwa ħames kandidati li se jkunu mistiedna għaċ-ċiklu ta’ wara, magħrufa bħala l-Invitation to Participate to Dialogue (ITPD). Fuq il-bażi ta’ dawn id-dettalji, dawn il-ħames kandidati se jintalbu jippreżentaw il-proposti inizjali tagħhom, li jservu ta’ bażi għal djalogu. Wara l-fażi ta djalogu, tissejjaħ kompetizzjoni għall-Best and Final Offer (BAFO).

Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li dak li qed jitnieda llum huwa pass importanti biex mill-kliem ngħaddu għall-implimentazzjoni. Dr Abela qal li dan il-proġett għandu jsaħħaħ id-diversifikazzjoni ta’ Malta fil-qasam tal-enerġija u jżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli. Saħaq fuq il-viżjoni li Malta tkun ċentru ta’ enerġija nadifa fil-Mediterran. “Din it-teknoloġija qed tkompli tiżviluppa u pajjiżna lest li l-ġejjieni sostenibbli jiktbu hu”, qal il-Prim Ministru hu u jinnota kif quddiem il-fenomenu tal-bidla fil-klima hemm sfidi li jistgħu jinqelbu f’opportunitajiet.

Sostna li fi żmien fejn l-ekonomija Maltija trid tagħmel il-qabża li jmiss favur il-kwalità, irridu nipproduċu aktar enerġija nadifa u pajjiżna juża aktar l-elementi naturali bħar-riħ u x-xemx. Semma li dan huwa proġett li meta jimmaterjalizza se jkun favur il-ġid komuni u dan il-gvern jemmen fis-settur privat bħala sieħeb strateġiku biex Malta tilħaq l-għanijiet tagħha fosthom li tkun carbon neutral sal-2050.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet li dan il-proġett huwa importanti għall-oqsma tal-enerġija u l-ambjent. “Il-proġett mhux biss huwa importanti għall-ġenerazzjoni tal-enerġija, iżda se jkollu impatt ambjentali pożittiv, u qed isir b’mod li jelimina l-problema ta’ skarsezza ta’ spazju li għandna f’Malta. B’differenza minn proġetti oħra li ssemmew fl-imgħoddi, dan hu proġett maħsub sew”, qalet il-Ministru Dalli. Sostniet li l-viżjoni tagħna, anke fuq livell Ewropew, hi li l-Mediterran ikun ċentru ta’ enerġija nadifa. “Malta qed tkun protagonista biex tintlaħaq din il-mira tant li Malta ġabet flimkien il-pajjiżi tal-Mediterran fejn kien stabbilit dan il-prinċipju”, saħqet il-Ministru Dalli.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport