Wednesday, July 24, 2024

Imħabbra skema ta’ fondi għall-għaqdiet volontarji għal proġetti u inizjattivi fil-komunità

Aqra wkoll

Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) għadu kif reġa’ nieda l-iskema Small Initiatives Support Scheme (SIS) li l-għan tagħha hu li tgħin b’mod tanġibbli finanzjarjament lill-għaqdiet volontarji. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli.


It-tnedija ta’ din l-iskema saret għand l-għaqda Friends of the Earth Malta (FOEM), li għamlet użu minn din l-iskema permezz ta’ proġett li kellu l-għan li jsaħħaħ il-ħiliet tal-għaqda, kemm tal-impjegati, il-membri u l-voluntiera, u joħloq strateġija sabiex l-għaqda tkun aktar finanzjarjament sostenibbli fl-operat tagħha. Dan għandu jgħin sabiex l-għaqda tkun f’pożizzjoni aħjar li tkompli twettaq in-numru ta’ proġetti ambjentali li timplimenta fil-komunità.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli tenniet li sena wara oħra, din l-iskema qed tkun ta’ spalla kbira għal ħafna għaqdiet volontarji. “Minn meta bdiet fl-2011, l-iskema SIS wasslet għall-implimentazzjoni ta’ aktar minn 420 proġett permezz ta’ investiment dirett fl-għaqdiet volontarji tagħna. Dan sar permezz ta’ għajnuna ta’ aktar minn €1.2 miljun. Bħala Gvern se nkomplu nintensifikaw l-għajnuna li noffru biex aktar proġetti ta’ fejda fil-komunitajiet tagħna jibqgħu jieħdu l-ħajja,” temmet tgħid il-Ministru.
 

Iċ-Chairperson tal-Kunsill, Gertrude Buttigieg,  stqarret, “Kull sena qed inkomplu naraw konkorrenza għal dawn il-fondi, li l-għaqdiet issa saru jistennew b’ħerqa u li dejjem ikollhom biżżejjed applikazzjonijiet sabiex minnhom jintgħażlu proġetti tal-aqwa kwalità li bihom jagħmlu l-ġid fil-komunità”.

Min-naħa tiegħu, Mauro Pace Parascandalo, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill, qal li l-varjetà ta’ proġetti li jiġu attwati permezz ta’ skema bħall-SIS hija xhieda tas-suċċess ta’ servizz bħal dan li jiġi offrut lill-għaqdiet. Kompla li kemm jekk relatat ma’ inklużjoni, sport, arti, ambjent jew wieħed mis-setturi l-oħra fil-qasam, is-SIS hija skema flessibbli bi proċess trasparenti mill-fażi tal-ftuħ tal-applikazzjonijiet, sal-evalwazzjoni, l-implementazzjoni tal-proġetti sar-rappurtaġġ finali tal-proġett.


L-allokazzjoni totali għall-iskema mħabbra huwa ta’ €180,000, fejn kull applikazzjoni tista’ titlob sa massimu ta’ €5,000 għal kull proġett jew inizjattiva. L-applikazzjonijiet ser jintlaqgħu mill-Erbgħa 29 ta’ Mejju 2024 sa nofsinhar tal-Erbgħa 10 ta’ Lulju permezz tas-sit elettroniku vofunding.org.mt. Ser isiru wkoll żewġ laqgħat ta’ informazzjoni sabiex jgħinu lill-applikanti matul il-proċess tas-sottomissjoni u biex jifhmu aħjar il-linji gwida inklużi l-prijoritajiet.

L-għaqdiet volontarji li japplikaw iridu jkunu reġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji. Aktar informazzjoni minn maltacvs.org.

Ekonomija

Sport