Sunday, November 24, 2024

Imħabbra tnaqqis fir-restrizzjonijiet għar-ristoranti li jaċċettaw persuni biċ-ċertifikat tat-tilqim

Aqra wkoll

Dawk il-bars, każini jew ristoranti li b’mod volontarju jagħżlu huma li jippermetti dħul biss ta’ persuni biċ-ċertifikat tat-tilqim, jistgħu jgawdu minn rilaxx addizzjonali ta’ miżuri li jibdew jgħoddu mit-tieni tmiem il-ġimgħa ta’ Ottubru.

F’konferenza tal-aħbarijiet fejn fiha ġiet inawgurata berġa tas-saħħa ġdida ġewwa l-Belt Valletta, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li l-miżuri ta’ rilaxx f’dawn it-tip ta’ stabilimenti jinkludi li d-distanza bejn l-imwejjed fuq barra se tinżel għal metru fiilwaqt li għal dawk fuq ġewwa se tinżel għal metru u nofs. Il-ħinijiet tal-ftuħ se jkunu estiżi minn massimu sas-2.00a.m. sat-3.00a.m., dejjem skont il-liċenzja tal-istabiliment.

Apparti minn hekk, f’dawk l-istabilimenti l-persuni fuq l-imwejjed jistgħu jitilgħu għal massimu ta’ tmienja fuq kull mejda. Id-Deputat Prim Ministru tkellem ukoll rigward dawk il-postijiet li sa issa huma ristretti għal waiter servizz. Qal li dawk l-istabilimenti li jagħżlu li jilqgħu klijenti biċ-ċertifikat tat-tilqim jista’ jkollhom forma ta’ servizz ta’ bar kontrollat.

Qed jesiġu wkoll li l-istaff kollu ta’ dawn l-istabilimenti li jkun f’kuntatt ma’ klijent jew ikel u xorb, irid ikun imlaqqam kompletament. Spjega li tfal ta’ taħt it-12-il sena, sakemm akkumpanjati minn xi adult, jistgħu jidħlu f’dawn l-istabbilimenti mingħajr il-bżonn ta’ PCR test.

Dawk l-istabilimenti li jkunu jridu jibbenefikaw minn dawn it-tnaqqis iridu japplikaw darba biss, fejn mal-MTA se joħorġu l-protokol kif se jseħħ.

Qal li dan ir-rilaxx ta’ miżuri ġie maqbul u diskuss ma’ numru ta’ stakeholders. Spjega li jekk dawn il-miżuri ma jkollhomx effett negattiv fuq in-numri ta’ pazjenti fl-ITU jew fl-isptar, ikunu jistgħu jestendu dawn il-miżuri għal stabilimenti oħra inkluż għal tiġijiet.

Dwar il-maskri tat-tfal tal-iskejjel qal li huwa ċar li l-maskri jipproteġu lit-tfal u lill-għalliema mill-Covid-19. Spjega li jista’ jagħti l-każ li jekk jaraw li ladarba jinfetħu l-iskejjel, jekk in-numri tal-każijiet jibqgħu baxxi ħafna, jibdew b’mod gradwali jneħħu l-użu tal-maskri fit-tfal.

Id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li sa issa Malta qed taċċetta ċ-ċertifikat tat-tilqim f’numru ta’ pajjiżi li jkunu ħadu d-dożi kollha tal-vaċċin. Semma kif hemm numru ta’ pajjiżi li ħadu d-deċiżjoni li persuna li tkun fieqet mill-Covid-19 jagħtuha doża waħda u mhux iż-żewġ dożi u joħorġu ċertifikat tat-tilqim wara din id-doża. Sa issa Malta ma kinitx qed taċċetta dawn iċ-ċertifikati tat-tilqim iżda d-Deputat Prim Ministru ħabbar li mill-1 ta’ Ottubru Malta se tkun qed taċċetta dawn iċ-ċertifikati maħruġa minn dawn il-pajjiżi, fosthom il-Ġermanja.

Apparti minn hekk, qal li minn għada se jiżdiedu tliet pajjiżi oħra mal-lista taċ-ċertifikati tat-tilqim aċċettati. Dawn huma l-Malaysia, Saudi Arabia u Rwanda.

Qal li bħalma jaf kulħadd in-numru ta’ Covid-19 fl-isptarijiet baqa’ wieħed stabbli għal numru ta’ ġimgħat.

Qal li dan ukoll li issa għandna 92% tal-poplu eliġibbli li huwa mlaqqam kompletament. Aċċenna għall-programm ta’ booster dose li bħalissa qed tingħata lil dawk il-persuni li għandhom ‘il fuq minn 70 sena li huwa grupp kbir ta’ madwar 70,000 ruħ. Rigward il-varjant Mu huwa qal li jidher li sa issa f’Malta ma daħalx. 

Semma l-fatt li f’dawn il-ġranet l-iskejjel kollha se jkunu qed jiftħu b’mod fiżiku. F’dan ir-rigward qal li d-dipartiment tas-saħħa qed jistenna li jista’ jkun hemm xi numru żgħir każijiet pożittivi fil-komunità.

Sport