Monday, June 23, 2025

Imħabbra żewġ inizjattivi favur il-familji u l-ekonomija ċirkolari

Aqra wkoll

Bil-għan li jkompli jinċentiva s-sostenibilità, il-Gvern ħabbar żewġ inizjattivi soċjali li jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju: voucher ta’ €100 għall-familji l-aktar vulnerabbli u proġett pilota f’20 lokalità ta’ mobile reverse vending machines (RVMs) għal persuni t’aktar minn 60 sena.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Birgu.

L-inizjattivi jibnu fuq l-investiment li għamlet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tejbet il-kwalità tal-ilma tal-vit f’pajjiżna u l-iskema tar-REWS li permezz tagħha persuna tista’ tixtri active carbon filter, imbagħad titlob rifużjoni.

Fl-ewwel inizjattiva, familji vulnerabbli se jirċievu bil-posta voucher ta’ €100 biex jixtru l-filter. Il-lista ta’ ħwienet minn fejn jista’ jissarraf dan il-voucher se tkun disponibbli fuq is-sit waw.com.mt. Din l-inizjattiva, iffinanzjata mill-Climate Action Authority, se tkun qed tilħaq 13,000 familja vulnerabbli, li diġà jirċievu l-benefiċċju tal-enerġija.

Fit-tieni inizjattiva, se jibda proġett pilota innovattiv ta’ mobile RVMs – vetturi mgħammra b’magna li tieħu kontenituri tax-xorb permezz ta’ booking. Dan is-servizz, li se jibda f’20 lokalità, huwa mmirat għal persuni li għandhom ’il fuq minn 60 sena u dawk li għandhom il-Blue Badge. Il-lokalitajiet li jiffurmaw parti mill-proġett pilota huma: il-Marsa, il-Kalkara, Ħal Għaxaq, il-Gudja, l-Imqabba, il-Qrendi, Birżebbuġa, l-Isla, il-Birgu, il-Belt Valletta, Bormla, Raħal Ġdid, il-Ħamrun, Ħal Lija, Ħal Balzan, Santa Luċija, Ħal Luqa, il-Furjana, Tal-Pietà u Gwardamanġa. Il-lokalitajiet intgħażlu abbażi ta’ numru ta’ kunsiderazzjonijiet, fosthom id-demografija tal-lokalità.

Għal aktar informazzjoni dwar dan is-servizz jew biex wieħed jibbukkja, il-pubbliku jista’ jċempel fuq 1718 jew jibgħat email fuq [email protected]. Is-sistema ta’ bookings hija miftuħa mit-08.00 sat-20.00, mit-Tnejn sal-Ħadd.

“L-għan taż-żewġ inizjattivi huwa biex inkomplu nħeġġu l-pubbliku fl-azzjonijiet tiegħu favur l-ambjent, u b’hekk nagħmluha aktar faċli għal min irid jagħmel il-parti tiegħu. Iż-żewġ inizjattivi li qed inħabbru llum huma parti minn viżjoni usa’ biex naraw li kulħadd ikun parti minn viżjoni ta’ ekonomija ċirkolari fejn l-iskart, jew ma nipproduċuhx, jew nibdluh f’riżorsa,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Falzon stqarr li din l-inizjattiva tingħaqad ma’ katina ta’ miżuri soċjali oħra li jkomplu jagħtu appoġġ, sostenn u serħan il-moħħ lil numru ta’ familji. “Minkejja l-avvanz soċjali kbir li esperjenzajna tul l-aħħar snin, xorta waħda nibqgħu kommessi sabiex nimplimentaw aktar inizjattivi bħal din tal-lum. Soċjetà b’saħħitha hija dik li taħseb f’kulħadd,” sostna l-Ministru Michael Falzon.

Is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield spjega, “Aħna Gvern li jisma’ u jaġixxi. Dan is-servizz ġdid mhuwiex biss risposta għal sfida prattika, imma konferma ċara li n-nies huma dejjem fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna. Meta naraw impenn ġenwin mir-residenti biex jirriċiklaw, huwa d-dmir tagħna li ngħinuhom b’soluzzjonijiet konkreti.”

Barra minn hekk, ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni se jkunu preżenti fi 11-il sit b’domanda għolja għal użu tal-magni tal-BCRS, biex jassistu fiż-żamma ta’ dawn is-siti. Mill-1 ta’ Lulju, il-ħaddiema se jkunu f’żewġ hubs f’San Pawl il-Baħar, ir-Rabat (Malta), ix-Xemxija, il-Gżira, Ta’ Xbiex, il-Furjana, il-Belt Valletta, f’San Tumas (Marsaskala), u żewġ hubs f’Tas-Sliema.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport