Imħallef Amerikan waqqaf temporanjament l-ordni kontroversjali tal-President Donald Trump li jiffriża mijiet ta’ biljuni ta’ dollari f’għotjiet u self federali, minuti qabel ma din l-ordni kellha tidħol fis-seħħ nhar it-Tlieta.
L-ordni tal-Imħallef Loren AliKhan li twaqqaf il-pjan Trump sa nhar it-Tnejn li ġej waslet bi tweġiba għal kawża ppreżentata aktar kmieni matul il-jum minn grupp ta organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw ir-riċevituri tal-għotjiet. Il-kawża ssostni li l-iffriżar temporanju tal-White House ta’ fondi diġà approvati jikser il-liġi.
Fis-sigħat qabel ma l-ordni kellha tidħol fis-seħħ, kien hemm konfużjoni mifruxa dwar liema aġenziji u programmi kellhom jiġu affettwati.
L-aġent kap tal-uffiċċju tal-baġit tal-White House kien ta struzzjonijiet lill-aġenziji biex “jwaqqfu temporanjament l-attivitajiet kollha relatati mal-obbligi jew l-iżborż tal-għajnuna finanzjarja federali kollha”.
Il-mossa kienet maħsuba biex tagħti żmien lill-amministrazzjoni l-ġdida biex tivvaluta liema għotjiet u self kienu konformi mal-aġenda tagħhom.
Skont is-Segretarju għall-Istampa tal-White House Karoline Leavitt, il-pjan ta’ Trump li jwaqqaf biljuni ta’ dollari f’finanzjament tal-gvern Amerikan kien li jkun hemm amministrazzjoni tajba tad-dollari mħallsin f’taxxa.
Waqt li kellmet lill-ġurnalisti fl-ewwel briefing tagħha, Leavit qalet li l-waqfa fil-finanzjament tippermetti lill-gvernijiet tal-istati Amerikani inaqqsu l-infiq għal kwistjonijiet ta’ ġeneru u programmi ta’ diversità.
L-ordna ta’ Trump għall-iffriżar tal-finanzjamenti qanqlet konfużjoni, kif ukoll rabja minn politiċi tal-oppożizzjoni nhar it-Tlieta hekk kif dawk li jirċievu self u għotjiet federali – bħal skejjel, sptarijiet, għotjiet lill-istudenti u organizazzjonijiet li ma jagħmlux profitt – indunaw bir-realtà li tilfu l-fondi.
Id-direttiva tal-White House tista jkollha impatt ta’ biljuni ta ‘dollari maħsuba għal programmi federali, minn għajnuna għad-diżastri sa riċerka dwar il-kanċer.
Dawk kollha li fetħu l-kawża argumentaw li l-ordni ta Trump hija “nieqes minn kwalunkwe bażi legali jew raġuni razzjonali” u se jkollha effetti ta’ madwar l-Istati Uniti kollha u lil hinn.
Din il-kawża hija separata minn azzjoni minn koalizzjoni ta stati Demokratiċi li ressqu kawża aktar tard it-Tlieta biex jimblukkaw l-ordni li sejħilha antikostituzzjonali.
Stephen Miller, id-deputat kap tal-istaff tal-White House, iddefenda wkoll id-direttiva qabel ma tħabbret id-deċiżjoni tal-imħallef, u qal lill-ġurnalisti li dan jippermetti lill-gvern jikseb “kontroll tal-kreditu”.
Nhar it-Tlieta, diversi stati rrappurtaw problemi ta’ aċċess għall-fondi permezz ta’ Medicaid, programm tal-gvern tal-assigurazzjoni tas-saħħa għal nies bi dħul baxx. Il-White House aktar tard qalet li l-programm mhux se jiġi affettwat u li l-problema se tissolva dalwaqt.
Qalet ukoll li l-benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali mhux se jiġu affettwati, u lanqas xi programmi “li jipprovdu benefiċċji diretti lill-individwi, inkluż il-Programm ta’ Assistenza tan-Nutrizzjoni Supplimentari, magħruf bħala SNAP jew bolol tal-ikel.
F’ittra lill-White House, l-ogħla esponenti Demokratiċi esprimew “allarm estrem” dwar il-pjan li jitwaqqaf il-finanzjament.
Il-mexxej tal-minoranza Demokratika tas-Senat tal-Istati Uniti, Chuck Schumer, qal li din il-mossa tal-White House tikkawża “kaos sħiħ u kbir”.