Il-faċilità bbażata fi Florida, deskritta mill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump bħala mudell għal deportazzjonijiet tal-massa, ġiet iddikjarata illegali minħabba tħassib ambjentali u tad-drittijiet uman.
Imħallef federali tal-Istati Uniti nhar il-Ħamis, 22 ta’ Awwissu, ipprojbixxa lill-amministrazzjoni ta’ Trump u lill-gvern tal-Istat ta’ Florida, li se tappella minn din id-deċiżjoni, milli jġibu xi immigranti ġodda fiċ-ċentru ta’ detenzjoni magħruf bħala “Alligator Alcatraz” u ordna li ħafna mis-sit jiġi żarmat, u b’hekk effettivament għalaq il-faċilità.
Iċ-ċentru ta’ detenzjoni ġie mfassal bil-għaġġla fi tmien ijiem biss f’Ġunju b’sodod fuq xulxin, gaġġeġ tal-wajer u tined bojod kbar f’mitjar abbandunat f’Everglades fi Florida. Il-President Donald Trump, kien iddikjara li jiddeporta miljuni ta’ migranti mingħajr dokumenti, żar iċ-ċentru x-xahar li għadda, ftaħar dwar il-kundizzjonijiet ħorox.
L-isforzi ta’ Trump biex jiddeporta l-migranti għaddejjin b’ritmu mgħaġġel. Il-White House kienet laqqmet il-faċilità “Alligator Alcatraz,” referenza għall-eks ħabs tal-gżira fil-Bajja ta’ San Francisco li Trump qal li jrid jerġa’ jiftaħ. Iċ-ċentru kien ippjanat li jżomm 3,000 immigrant, skont is-Segretarju tas-Sigurtà Interna Kristi Noem. Iżda ġie kkritikat kemm mill-ambjentalisti kif ukoll mill-kritiċi tar-repressjoni ta’ Trump fuq il-migrazzjoni, li jqisuha l-faċilità bħala inumana għall-aħħar.
Id-deċiżjoni l-ġdida tal-Ħamis mill-Imħallef Distrettwali Kathleen Williams ġiet wara kawża mressqa kontra l-amministrazzjoni ta’ Trump minn Friends of the Everglades u ċ-Ċentru għad-Diversità Bijoloġika. Il-gruppi ambjentali jargumentaw li ċ-ċentru ta’ detenzjoni jhedded l-ekosistema sensittiva tal-Everglades u nbena bil-għaġġla mingħajr ma saru l-istudji tal-impatt ambjentali legalment meħtieġa.