L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera għamlet żjara fil-post fejn iġġarrfet binja fil-Ħamrun u spiċċat biex tilfet ħajjitha Miriam Pace. Il-każ imur lura għal Marzu tal-2020 u l-kollass tal-bini seħħ wara xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li kienu qed isiru viċin tar-residenza.
L-Imħallef Scerri Herrera, flimkien mal-avukati tal-familja Pace, il-kuntrattur Ludwig Dimech u l-bennej Nicholas Spiteri, għamlu żjara fuq is-sit l-Erbgħa waranofsinhar.
Erba’ xhur ilu, sid is-sit kien ressaq rikors fil-Qorti fejn talab għar-rilaxx tas-sit. Dan filwaqt li t-Tlieta, l-avukati ta’ Dimech ressqu rikors fejn talbu lill-Qorti sabiex terġa’ teżamina l-marki magħmula mill-“pneumatic drill” li kien ilu jopera fis-sit.
Hu mifhum li Dimech għall-ewwel ta l-kunsens tiegħu biex l-art tinħeles mill-kustodja tal-qorti iżda aktar tard kien biddel il-pożizzjoni tiegħu.
L-avukati Michael Sciriha, Roberto Montalto u Franco Galea qed jidhru għall-kuntrattur Ludwig Dimech, filwaqt li l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għall-bennej Nicholas Spiteri.
L-Avukati Joe Giglio u David Bonello qed jidhru parte civile għall-familja Pace.