Friday, February 28, 2025

Imħallef jiċħad it-talbiet ta’ Jason Azzopardi għall-ftuħ ta’ inkjesta kontra l-Ministru Silvio Schembri

Aqra wkoll

Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri ċaħad it-talbiet tal-Avukat Jason Azzopardi għall-ftuħ ta’ inkjesta maġisterjali fil-konfront tal-Ministru Silvio Schembri. Dan wara li fil-5 ta’ Frar li għadda, il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici ċaħad l-istess talba ta’ Azzopardi.

Fid-digriet tiegħu, l-Imħallef Camilleri nnota kif l-Avukat Azzopardi jagħmel enfasi kbira fuq ir-rapport tal-Awditur Ġenerali rigward l-uffiċini tal-Malta Business Registry. Iżda minn dan ir-rapport ma kienx irriżulta li l-Awditur qal li seħħ xi reat. 

“Fil-fehma ta’ din il-Qorti, dan huwa ferm importanti minħabba li kieku l-Awditur imsemmi sab xi eżistenza ta’ reat kellu obbligu jirrapportah,” kompla jgħid l-Imħallef li nnota kif id-denunzjant (Azzopardi) sejjes l-akkużi tiegħu fuq artikli ġurnalistiċi.

“Minkejja dan, u minkejja li l-artikli inkwistjoni jistgħu jwasslu għal tħassib, fihom infushom ma jindikawx xi reat partikolari li seta’ għamel id-denunzjat (il-Ministru Silvio Schembri),” żiedet tgħid il-Qorti. 

Minħabba li huwa nieqes in-ness bejn l-allegati reati indikati minn Azzopardi u dak imressaq minnu, il-Qorti qalet li hi tal-fehma li l-Maġistrat seta’ jasal għall-konklużjoni li wasal għaliha bil-konsegwenza li anke l-ilment inkwistjoni qed jiġi mwarrab ukoll.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti ċaħdet it-talbiet ta’ Jason Azzopardi u kkonfermat id-deċiżjoni mogħtija mill-Maġistrat Antoine Agius Bonnici fl-intier tagħha. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport