L-Imħallef Ian Spiteri Bailey talab lill-Maġistrat Gabriella Vella sabiex tingħata s-sentenza mingħajr iktar dewmien f’kawża li bdiet tinstema quddiemha fis-sena 2015. Il-kawża li rrefera għaliha l-Imħallef infetħet minn Pizza Factory Company Ltd kontra l-Kummissarju tal-Valur Miżjud u l-Kummissarju tat-Taxxi Interni.
17-il differiment
L-ewwel seduta ta’ din il-kawża saret fil-11 ta’ Ġunju tas-sena 2015. Wara numru ta’ seduti, fit-13 ta’ Lulju tas-sena 2021, il-Maġistrat Vella iddeferit il-kawża għas-16 ta’ Novembru tas-sena 2021, bil-għan li tingħata s-sentenza. Ġara iżda li meta waslet is-seduta ta-16 ta’ Novembru, sar magħruf li l-Maġistrat kienet iddeferit is-sentenza għat-18 ta’ Jannar tas-sena 2022, għax qalet li kellha bżonn iktar żmien.
Minn hawn ‘ilquddiem il-Magistrat Vella ddeferit is-sentenza f’din il-kawża għal 16-il darba oħra: 3 darbiet fis-sena 2022, 3 darbiet fis-sena 2023, 5 darbiet fis-sena 2024, 4 darbiet fis-sena 2025 u darba fis-sena 2026. L-aħħar differiment sar fis-26 ta’ Frar li għadda meta s-sentenza kienet differita għal għaxar xhur wara. Skont l-aħħar differiment is-sentenza issa suppost li għandha tingħata fl-20 ta’ Ottubru, ħdax-il sena u nofs wara li bdiet tinstema’ l-kawża.
Kawża imblokkata
Nhar il-Ġimgħa waqt kawża oħra differenti, miftuħa minn Tamamu Company Ltd kontra Pizza Factory Company Ltd, l-Imħallef Ian Spiteri Bailey kien informat li l-Maġistrat Gabriella Vella ilha tiddefirixxi s-sentenza fil-kawża li infethet fis-sena 2015 minn Pizza Factory Company Ltd kontra l-Kummissarju tal-Valur Miżjud u l-Kummissarju tat-Taxxi Interni, għal ħames snin.
L-Imħallef talab li l-Maġistrat Vella tiġi informata li għandna mingħajr aktar dewmien tagħti s-sentenza tagħha għax dan in-nuqqas qed jimblokka l-kawża li qed tinstema’ quddiemu. Minħabba f’din is-sitwazzjoni l-Imħallef Spiteri Bailey kellu jiddefirixxi l-kawża għat-8 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla.
Responsabbli mill-inkjesta Vitals
Il-Magistrat Gabriella Vella kienet responsabbli mill-inkjesta Vitals li infetħet fis-sena 2019 wara li aċċettat talba li saritilha mill-għaqda Repubblika, anki jekk qabilha l-Imħallef Giovanni Grixti kien sab li ma kienx hemm bażi għal inkjesta. L-inkjesta damet għaddeja ħames snin u kienet ippublikata hekk kif bdiet il-kampanja elettorali tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tas-sena 2024. Ġimgħa qabel din l-elezzjoni imbagħad tressqu quddiem il-Qorti, numru kbir ta’ persuni, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, li qed jiffaċċjaw akkuzi mill-iktar serji.
Fit-talba tas-sena 2019 biex tinfetaħ l-inkjesta, Dr Muscat ma kien issemma’ imkien. Kien biss f’Novembru tas-sena 2021, meta huwa ma kienx għadu Prim Ministru u meta l-inkjesta kienet diġa intalbet u infetħet li Repubblika ressqet talba lill-Kummissarju tal-Pulizija biex l-eks Prim Ministru jkun investigat.
Esperti maħruba u mhux ikkwalifikati
Sa dan it-tant il-proċeduri li infetħu fil-Qorti fuq il-bażi tal-inkjesta tal-Maġistrat Vella, ilhom wieqfa għal bosta ġimghat wara li Jeremy Harbinson, l-espert ewlieni fl-inkjesta maħtur mill-istess Maġistrat, wara li tħallas €11-il miljun, xolja l-kumpanija tiegħu, ċeda l-warrant, qed jibqa’ jirrifjuta li jixhed kif inhu d-dover tiegħu li jagħmel u l-Pulizija ma jafux fejn jinsab.
Sar magħruf ukoll li fl-istess inkjesta, il-Maġistrat Vella ħatret bħala ‘forensic accountant’ lis-Serba Miroslava Milenovic meta din la għandha l-kwalifiċi ta’ accountant u qatt ma kellha warrant biex taħdem ta’ accountant f’Malta. Fil-Qorti l-ogħla uffiċjali tal-board tal-accountants xehdu li biex persuna tagħmel xogħol ta’ ‘forensic accountant’ l-ewwel trid tkun accountant. Fil-Qorti wkoll ħareġ li l-Maġistrat Vella qatt ma tkellmet ma’ Milenovic dwar kwalifiċi jew warrant.
Leaks kontinwi
Waqt li kienet qed jithejja r-rapport tal-inkjesta kien hemm leaks kontinwi fil-gazzetti, u eventwalment meta kienet ippublikata l-inkjesta ħareġ ċar li dak li kien qed jidher fil-gazzetti, partikolarment f’The Times u f’The Sunday Times, kien fil-fatti parti mir-rapport ta’ Jeremy Harbinson. Kien irriżulta wkoll li wara artiklu b’leaks li kien ippublikat dwaru f’The Sunday Times, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien talab biex jiltaqa’ mal-Magistrat Vella u kien lest li jagħtiha l-informazzjoni kollha dwar laqgħat li kellu, ma min kienu dawn il-laqgħat, fejn seħħew, meta seħħew u dak li ġie diskuss. Din it-talba iżda ma intlaqgħet qatt.
Bil-kontra fil-Qorti kien sar magħruf illi l-Maġistrat Gabriella Vella personalment ordnat li ssir it-tfittxija fid-dar tal-eks Prim Ministru f’Jannar tas-sena 2022. Anki dwar din it-tfittxija kien hemm leak tant li waqt kienet għaddeja it-tfittixja, il-pulizija kienet informata li kien hemm persuna ftit ‘il bogħod li kienet qed tiġbed ir-ritratti bil-mowbajl. Meta l-pulizja marru jkellmu lil din il-persuna rrizulta li kien Jacob Borg, ġurnalist ta’ The Times.
Kemm fis-sajf tas-sena l-oħra u anki fis-sajf ta’ din is-sena, il-Maġistrat Gabriella Vella applikat sabiex turi interess li tinħatar Imħallef. Fiż-żewġ okkażjonijiet intgħażel ħaddiehor biex jimla l-postijiet ta’ Imħallfin godda u mhux hi.
