Il-Qorti tal-Appell Kriminali ordnat biex każ ta’ għalliem tal-mużika li kien instab ħati li kkorrompa tliet studenti minorenni jerġa’ jintbagħat quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.
Kienet l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li fis-sentenza tagħha qalet li l-piena li ngħata ta’ tliet snin probation ma kinitx skont il-liġi.
L-għalliem tal-mużika, li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti, kien mixli li kien wettaq atti sesswali bla kunsens fuq tliet minuri. Dawn l-każi allegatament seħħew f’diversi okkażjonijiet matul l-2023.
Wara li kien instema l-każ, il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabet lir-raġel ħati tal-akkużi u tagħtu probation għal tliet snin u ħarġet ordni ta’ trattament u ta’ trażżin favur il-vittmi għal tliet snin.
Wara s-sentenza, l-Avukat Ġenerali kien appella mis-sentenza u talab li din tiġi riveduta u tingħata piena li taqa’ fil-parametri tal-liġi.
L-AĠ kien osserva i l-akkużi li għandu r-raġel kienu aggravati, fosthom għax il-vittmi kellhom inqas minn 12-il sena u l-akkużat kien għalliem.
Fl-Appell intqal li atti sesswali bla kunsens ma’ nies taħt is-sittax-il sena jġorru piena sa tmien snin ħabs iżda meta jkun aggravat, il-piena taf titla’ sa 12-il sena ħabs.
Fl-argumenti tiegħu l-AĠ waqt l-appell argumenta li l-akkużat ma setax jitpoġġa taħt probation għax hu qed jaffaċċja piena ta’ massimu ta’ 12-il sena ħabs.
Il-Qorti tal-Appell Kriminali laqgħet it-talba tal-Avukat Ġenerali u qalet li l-Qorti trid tassigura li l-piena li tingħata tkun fil-parametri tal-liġi. Għaldaqstant, hija ħassret l-ewwel sentenza u bagħtet l-atti tal-każ lura lill-Qorti tal-Maġistrati sabiex tiddeċiedi l-każ mill-ġdid.
L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għall-akkużat.

