Fl-aħħar jumejn, 43 vettura li għaddew mill-inħawi tal-Marsa u Swieqi ġew imħarrka fuq sewqan b’veloċità eċċsiva, fuq nuqqas ta’ lbies iċ-ċinturin tas-sigurtà, u użu tal-mowbajl waqt is-sewqan, fost oħrajn.
Dan hekk kif diversi sezzjonijiet tal-Pulizija flimkien mal-Aġenzija tal-Infurzar Lokali (LESA) komplew blispezzjonijiet sabiex jiġi żgurat li jkunu ssorveljati il-liġijiet fit-toroq Maltin.
Fis-Swieqi, mara li kienet qed issuq vettura nstabet li kienet qed issuq mingħajr liċenzja valida, kif ukoll mingħajr polza tal-assigurazzjoni valida. Minnufih, il-vettura ġiet irmunkata minn fuq il-post u nħarġu akkużi għall-Qorti.
Waqt il-kontrolli li saru fil-Marsa, twaqqfet ukoll vettura li minn investigazzjonijiet li saru fuq il-post irriżulta li tnejn mill-persuni li kienu fiha kienu qegħdin Malta illegalment. Dawn il-persuni nżammu mill-Pulizija u ttieħdu f’ċentru ta’ detenzjoni sabiex jibdew il-proċess sabiex ma jibqgħux fil-pajjiż.
L-ispezzjonijiet fit-toroq Maltin se jitkomplew b’mod konsistenti biex tibqa’ tkun imsaħħa s-sigurtà fit-toroq. L-appell jibqa’ dejjem biex ikunu mħarsa r-regolamenti għaliex hekk kulħadd jieħu ħsiebxulxin u jkunu evitati konsegwenzi mhux mixtieqa.