Sunday, November 24, 2024

Imħatri llegali: Imfissra l-pożizzjoni ta’ Fagioli, Tonali u Zaniolo

Aqra wkoll

Nicolò Fagioli, Sandro Tonali u Nicolò Zaniolo, huma kollha nvoluti fi skandlu tal-imħatri, iżda s-sitwazzjonijiet tagħhom huma differenti ħafna u l-istess jgħodd għall-eżitu possibbli tal-investigaz­zjonijiet.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Turin qed imexxi investigaz­zjoni kriminali dwar imħatri llegali, li l-ewwel li nvolviet kien lill-midfielder ta’ Juventus, Fagioli. L-Uffiċ­ċju tal-Prosekutur tal-FIGC fetaħ ukoll investigazzjoni fuq livell sportiv, peress li l-players professjonali ma jitħallewx jagħmlu mħatri fuq partiti tal-football lanqas permezz ta’ pjattaformi leġittimi.

Fagioli diġà nstema’ diversi drabi mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Turin, għalkemm l-involviment tiegħu fil-każ ħareġ fil-beraħ dan l-aħħar. L-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-FIGC ukoll investiga lil Fa­gio­li diversi drabi.

Il-midfielder ta’ Juventus ‘irrapporta’ lil FIGC, fejn ammetta li lagħab imħatri fuq partiti tal-football. Huwa talab ukoll l-għajnuna ta’ terapista biex ifejjaqlu l-vizzju tal-logħob tal-azzard u żvela dak kollu li kien jaf dwar il-każ, inkluż l-involviment ta’ Sandro Tonali.

Fagioli nnegozja t-’tort’ mal-prosekutur tal-FIGC u nhar it-Tlieta sar jaf kemm se ddum l-iskwalifika tiegħu li fil-fatt hija waħda ta’ seba’ xhur. Diversi sorsi fl-Italja jsostnu li l-avukati tal-player jittamaw li jiġi skwalifikat bejn seba’ u tmien xhur, filwaqt li l-Uffiċċju tal-Prosekutur jitlob sospensjoni ta’ sena. Fi kwa­lunkwe każ, l-istaġun 2023-24 huwa diġà mitmum għall-midfielder promettenti Taljan.

Il-midfielder ta’ Newcastle, Sandro Tonali, se jsegwi l-istess strateġija difensiva. Ġie rrappurtat li l-eks stilla ta’ Milan jinsab mgħaġġel biex jinstema’ mill-prosekutur ta’ Turin u l-FIGC. Tonali beda wkoll triq biex ifejjaq il-vizzju tal-logħob tal-azzard u jkun lest li ‘jirrapporta’ u ‘jikkollabora’ mal-awtoritajiet, bħalma għa­­mel Fagioli.

L-investigaturi iżda għadhom qed jeżaminaw l-apparat ta’ Tonali li nqabad f’Coverciano l-ġimgħa li għaddiet. Ġurnal ieħor għadu mhux ċar jekk il-player internazzjonali Taljan lagħabx partiti ta’ Milan meta kien mar-Rossoneri u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku se jkun jista’ biss jitlob għal plea deal jekk it-talbiet ta’ Tonali jkunu kredibbli u jikkorrispondu ma’ dak li l-investi­gaturi se jsibu fit-telefon ċellulari tiegħu u t-tablet. Huwa maħsub li l-midfielder se jkun jaf kemm se ddum l-iskwalifika tiegħu fi ftit xhur, iżda se jkun skwalifikat għal perjodu itwal minn Fragioli.

Bogħod minn hekk, għall-inqas fuq il-karta, is-sitwazzjoni ta’ Zaniolo. L-avukati tiegħu sostnew li Zaniolo qatt ma poġġa mħatri fuq logħob tal-football iżda lagħab biss il-poker u l-blackjack, mingħajr ma kien jaf li l-apps li kien juża kienu llegali.

Jekk iva, l-attakkant ta’ Aston Villa jirriskja biss multa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Turin iżda mhux se jiġi skwalifikat mill-FIGC. Jekk l-investigaturi juru li l-eks stilla ta’ Roma poġġa mħatri fuq avvenimenti tal-football, ikun saħansitra aktar fl-inkwiet mill-kompatrijotti tiegħu. 

Zaniolo kellu jagħti spjegazzjonijiet tal-pożizzjoni tiegħu fil-konfront mal-managers ta’ Aston Villa, filwaqt li hu u Tonali se jinstemgħu fil-jiem li ġejjin mill-Uffiċċju tal-Pro­sekutur ta’ Turin.

Sport