Tuesday, December 24, 2024

Imħatri llegali: Newcastle jistgħu jfittxu lil Milan u lil Sandro Tonali

Aqra wkoll

L-avukat tal-ġustizzja sportiva, Pierfilippo Capello, spjega x’sanzjonijiet jistgħu jiffaċ­ċjaw Nicolò Zaniolo, Sandro Tonali u Nicolò Fagioli għall-imħatri llegali, inkluża l-possibbiltà li Newcastle United itemmu l-kuntratt tiegħu jew saħansitra jfittxu lil Milan.

Il-players li bħalissa qegħdin jilagħbu ma’ Aston Villa, Newcastle u Juventus, huma kollha formalment taħt investigazzjoni talli għamlu mħatri permezz ta’ siti llegali, għalkemm għadu mhux ċar jekk kinux qed jagħmlu mħatri fuq logħbiet tal-football jew avvenimenti oħra, inklużi blackjack u poker.

Meta l-avukat u espert tal-ġustizzja sportiva, Capello, ġie mistoqsi x’sanzjonijiet jistgħu jiffaċċjaw huwa għamel distinzjonijiet importanti.

“Sal-lum huma akkużati b’imħatri permezz ta’ mezzi mhux awtorizzati, għalhekk ir-riskju hawnhekk huwa baxx. Sa fejn nafu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Federali tal-FIGC għadu ma fetaħx investigazzjoni dwar il-players.

“Ladarba jkun hemm akkużi federali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Turin jittrasmetti l-informazzjoni. Il-ġustizzja sportiva, min-natura tagħha stess, hija ħafna aktar mgħaġġla mill-ġustizzja ċivili”.

Hemm ukoll ħafna aktar spazju għal negozjar ta’ motivi, u għalhekk il-players x’aktarx jiffaċċjaw sospensjoni ta’ tliet snin għal imħatri llegali.

“Jekk il-player jammetti l-ħtija tiegħu s-sospensjoni tista’ titnaqqas bin-nofs. Jekk jikkopera b’mod proattiv mal-awtoritajiet, is-sentenza tista’ titnaqqas aktar,” spjega Capello.

Kien ġest ‘tqil’ meta l-pulizija marru fil-kamp tat-taħriġ ta’ Coverciano biex jistaqsu lil Tonali u Zaniolo lejlet partita kbira.

Filwaqt li kien hemm allegazzjonijiet li Zaniolo lagħab imħatra fuq it-team tiegħu stess Roma waqt li kien fl-iskwadra, dan kollu għadu fl-arja.

Zaniolo jinsab misluf lil Aston Villa mingħand Galatasaray, iżda Newcastle United nefqu €80 miljun biex iffirmaw lil Tonali mingħand Milan. X’azzjonijiet jistgħu jieħdu?

“Newcastle jistgħu jissospendu lill-player immedjatament jekk jidħol f’imġieba llegali. Fil-mument li jiġi sanzjonat, dan jagħmel ħsara lill-kumpanija, u għalhekk ikun possibbli li jitterminawlu l-kuntratt u jfittxuh għad-danni.

Fir-rigward ta’ Milan, Newcastle għandhom juru li Tonali lagħab meta kien il-player tagħhom, kienu jafu u baqgħu siekta. Madankollu, meta nkunu nafu l-clubs Taljani u l-mod kif joperaw, dan ikun estremament improbabbli.”

Ekonomija

Sport