Tuesday, December 24, 2024

Imħatri llegali: Nicola Zalewski jsir ir-raba’ player implikat

Aqra wkoll

L-artikolista, Fabrizio Corona, semma’ pubblikament li l-wing-back ta’ Roma, Nicola Zalewski (ritratt), huwa r-raba’ player implikat fl-iskandlu tal-imħatri fis-Serie A li qed jikber.

Dan wara li l-midfielder ta’ Juventus, Nicolò Fagioli, kien akkużat għall-ewwel darba b’imħatri llegali minn Corona f’rapport li għamel f’Awwissu u nhar il-Ħamis ammetta li tkellem mal-investigaturi f’Turin, u għadda t-telefon lill-pulizija.

Sandro Tonali u Nicolò Zaniolo kienu ż-żewġ players l-oħra nvoluti fl-iskandlu. Il-Ħamis filgħaxija f’Coverciano, il-pulizija staqsiet lill-koppja u ż-żewġ players irtiraw mit-team nazzjonali Taljan qabel il-partita ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2024 kontra Malta li saret ilbieraħ fi Stadio San Nicola ta’ Bari.

Allegatament huma ammettew l-imħatri fuq pjattaformi llegali, iżda qalu li kienu qed jilagħbu l-blackjack u l-poker, u mhux qed jagħmlu mħatri fuq logħbiet tal-football.

Kif ħabbar Corona, Zalewski issa huwa r-raba’ player involut fl-iskandlu tal-imħatri tas-Serie A.

Huwa trabba fis-settur taż-żgħażagħ ta’ Roma, qatta’ sentejn bħala kollega ta’ Zaniolo fl-ewwel team tal-Giallorossi.

Zalewski għamel 79 dehra ma’ Roma minn mindu ngħaqad mal-iskwadra ta’ Mourinho fl-2021, skorja żewġ goals u pprovda erba’ assists.

Huwa ċaħad li kien involut fl-iskandlu tal-imħatri llegali u għadu fuq dmirijiet internazzjonali mal-Polonja ta’ taħt il-21 sena.

Zalewski, li twieled f’Tivoli minn ġenituri Pollakki, trabba f’Ruma u tilef lil missieru sentejn ilu, għażel li jirrappreżenta lill-pajjiż tat-twelid tagħhom.

Madankollu, filwaqt li oħrajn telqu mid-dmirijiet internazzjonali wara li ġew infurmati li kienu taħt investigazzjoni, Zalewski jiċħad li għamel xi mħatri.

Fir-rapport tiegħu, Corona qal li Zalewski ma kienx taħt investigazzjoni formali, iżda kien fost tużżana jew aktar players tas-Serie A li kisru r-regoli tal-logħob tal-azzard.

Corona wiegħed li jsemmi player differenti kuljum hekk kif l-investigazzjoni mistennija titwessa’.

Ekonomija

Sport