Sunday, November 24, 2024

Imħatri llegali: Roma joħorġu stqarrija fuq Zalewski u El Shaarawy

Aqra wkoll

Roma ħarġu stqarrija li tesprimi “appoġġ sħiħ” għal Nicola Zalewski u Ste­phan El Shaarawy wara “spe­kulazzjoni ta’ ħsara għar-reputazzjoni” dwar l-iskandlu tal-imħatri, iżda ma semmewx lil Nicolò Zaniolo.

Fil-preżent, l-Uffiċċju tal- Prosekutur ta’ Turin ikkonferma li l-uniċi players investigati formalment huma Nicolò Fagioli, Sandro Tonali u Zaniolo.

Il-ġurnalist, Fabrizio Corona, sostna li l-players attwali ta’ Roma, Zalewski u El Shaarawy, li kienu ħbieb ta’ Zaniolo meta kien fl-is­kwadra, kienu allegatament involuti fil-logħob tal-azzard.

Iż-żewġ players jiċħdu dan u taw struzzjonijiet lill-avukati tagħhom biex jieħdu azzjoni legali kontra Corona.

“Bi tweġiba għal xni­għat riċenti dwar l-allegat involviment ta’ wħud mill-players tal-club fl-investigazzjonijiet dwar l- imħatri fuq il-football, AS Roma jesprimu l-appoġġ sħiħ tagħhom għal Nicola Zalewski u Stephan El Shaarawy, li kienu suġġett ta’ spekulazzjoni ta’ ħsara għar-reputazzjoni tagħhom.

“Il-club għandu fiduċja to­tali f’Nicola u fi Stephan meta jgħidu li m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ din il- materja.”

Players oħra msemmija minn Corona, fosthom id-difensur ta’ Lazio, Nicolò Casale, u d-difensur ċentrali ta’ Juventus, Federico Gatti, ukoll ċaħdu kull involviment.

Zaniolo jinsab formalment investigat, minkejja li jsostni li lagħab imħatri biss fuq il-blackjack u logħob elettroniku ieħor tal-karti, mhux fuq avvenimenti sportivi u ċertament mhux fuq logħbiet tal-football.

Huwa mistenni jagħti stqarrija lill-prosekutur fil-ġimgħat li ġejjin.

Zaniolo ħalla lil Roma, fi Frar 2023, għal Galatasaray u bħalissa jinsab misluf lil Aston Villa, bid-dritt li jixtruh.

Sport