Il-President tal-FIGC, Gabriele Gravina, ikkonferma li Sandro Tonali se jkun sospiż għal 10 xhur u se jkollu jsegwi programm ta’ riabilitazzjoni għal tmien xhur oħra.
Gravina tkellem mal-ġurnalisti wara laqgħa fil-CONI f’Ruma nhar il-Ħamis.
“Il-Prosekutur tal-FIGC u Tonali laħqu ftehim li jien diġà approvajt,” qal il-President tal-FIGC.
“Il-ftehim jikkonsisti f’sospensjoni ta’ 10 xhur flimkien ma’ tmien xhur ta’ attivitajiet ta’ riabilitazzjoni u mill-inqas 16-il dehra pubblika.”
L-eks midfielder ta’ Milan stqarr fid-depożizzjoni tiegħu, mogħtija l-ġimgħa li għaddiet lill-awtoritajiet f’laqgħa li damet kważi tliet sigħat, li kien għamel imħatri fuq partiti tal-football.
Dan kien jinkludi logħob li kien jinvolvi lil Milan, it-team tiegħu ta’ dak iż-żmien, iżda peress li kien lagħab fuqhom biex jirbaħ, ma kienx investigat għal potenzjal ta’ match-fixing.
Huwa kontra r-regoli li l-players tal-football jagħmlu mħatri fuq kwalunkwe avveniment sportiv, iżda logħob li jinvolvi t-timijiet tagħhom stess jiġġustifika piena aktar ħarxa.
“Ir-regoli jipprovdu projbizzjoni għal ftit snin, iżda jista‘ jkun hemm ftehim ta’ motiv u ċirkostanzi aktar gravi,” kompla Gravina.
“Iż-żgħażagħ in kwistjoni kkollaboraw lil hinn mill-aspettattivi, għalhekk se nkomplu nsegwu r-regoli li konna adottajna.”
Il-midfielder ta’ Juventus, Nicolò Fagioli, ingħata sospensjoni ta’ seba’ xhur, oriġinarjament 12, iżda b’ħames xhur mibdula bi skambju għal trattament tal-vizzju tal-logħob tal-azzard u jagħmel mill-inqas 10 dehriet pubbliċi biex jiskoraġġixxi lil ħaddieħor milli jaqa’ fl-istess nassa.
Fagioli ta ruħu wkoll f’idejn l-awtoritajiet qabel ma kien taħt investigazzjoni u ma għamilx imħatri fuq Juventus, li kollha għenu biex inaqqas it-tul tas-sospensjoni.
Tonali beda wkoll il-kura għall-vizzju tal-logħob. Il-FIGC mistennija tikkonferma s-sospensjoni ta’ Tonali bi stqarrija uffiċjali aktar tard illum.