Thursday, August 21, 2025

Imħawla b’suċċess ta’ 3,000 siġra madwar il-gżejjer Maltin

… Kisba kollettiva fuq inizjattiva tal-Fondazzjoni HSBC Malta u MOVE Malta

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni HSBC Malta, bi sħubija ma’ MOVE Malta, bi pjaċir ħabbret it-tħawwil b’suċċess ta’ 3,000 siġra madwar il-Gżejjer Maltin. Dan grazzi għall-isforzi kollettivi ta’ individwi, skejjel, kunsilli lokali, gruppi tal-komunità u kumpaniji privati li pparteċipaw fl-inizjattiva “MOVE for Trees”.

L-inizjattiva kienet imnedija tliet snin ilu fejn ħeġġet lin-nies biex jimxu, jiġru jew iduru bir-rota minflok vjaġġi bil-karozza. Kull 50 kilometru ħieles miċ-CO₂ ġew ikkonvertiti f’siġra mħawla. B’kollox, il-parteċipanti taw donazzjoni ta’ 196,000 kilometru, li wasslu għall-introduzzjoni tas-siġar f’postijiet bħall-MCAST, Marsaskala, il-Park tas-Salini, il-Majjistral, u l-btieħi tal-iskejjel madwar Malta.

Din l-inizjattiva turi l-bidla qawwija li tista’ sseħħ meta s-sostenibbiltà tiltaqa’ mal-komunità u tippromwovi stili ta’ ħajja aktar san filwaqt li toħloq impatt ambjentali dejjiemi. It-3,000 siġra huma xhieda ta’ dak li n-nies jistgħu jiksbu meta jingħaqdu fi skop komuni.

Enfasi fuq is-sostenibbiltà u l-bijodiversità

Il-proġett poġġa enfasi qawwija fuq is-sostenibbiltà u l-bijodiversità. Is-siġar kollha tkabbru minn żrieragħ miġbura lokalment u kienu jinkludu speċi indiġeni bħas-Siġra tal-Għargħar, il-Ballut u r-Rummien. Il-kura u t-tħawwil tagħhom kienu appoġġjati minn netwerk wiesa’ ta’ individwi dedikati, minn letturi u studenti fl-MCAST għall-voluntiera wara l-proġett Grow 10 Trees.

F’Marsaskala, tħawlu aktar minn 170 siġra grazzi għan-Netwerk tar-Residenti ta’ Marsaskala, filwaqt li l-kumpaniji nedew kampanji interni biex jippromwovu l-ivvjaġġar attiv u l-benesseri. L-iskejjel inkorporaw ukoll l-inizjattiva fi programmi ta’ edukazzjoni ambjentali u mobilità.

Filwaqt li mhux is-siġar kollha baqgħu ħajjin minħabba sfidi staġjonali, ħafna ffjorixxew, b’xi wħud issa jagħtu l-frott. Ġew implimentati pjanijiet ta’ manutenzjoni u sistemi ta’ tisqija biex dawn ikollhom ħajja fit-tul.

“MOVE for Trees” mhux biss ittrasforma l-ispazji pubbliċi, iżda biddel il-mentalità, billi wera kif l-azzjoni kollettiva, pass wara pass, tista’ tifforma futur aktar ekoloġiku u san.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport