Monday, November 4, 2024

Imħeġġa riformi soċjali ewropej illi diġa’ huma implimentati f’Malta

Aqra wkoll

Il-Kummissarju Ewropew għax-Xogħol u l-Ġustizzja Soċjali, Nicolas Schmit, rrikonoxxa li l-mudell soċjali u ekonomiku Malti, u saħansitra sostna illi dan għandu jservi ta’ mudell għal pajjiżi Ewropej oħra, speċjalment f’dan iż-żmien ta’ sfidi internazzjonali marbuta mal- inflazzjoni, it-tranżizzjoni fis-suq tax-xogħol u r-riskju ta’ faqar u l-esklużjoni soċjali fost oħrajn.

Huwa saħaq dan waqt laqgħa illi kellu mal-Ministru għall-Poliitika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, nhar il-Ħamis filgħodu. Laqgħa li matulha spikkaw diskussjonijiet dwar rakkomandazzjonijiet fil-qasam tat-tfal, it-tisħiħ fil-paga minima u l-pensjonijiet, u l-bżonn urġenti t’aktar ħaddiema fil-qasam soċjali.

Il-Kummisarju Ewropew Schmit faħħar l-inizzjativi li qed imexxi ‘l quddiem il-Gvern Malti speċjalment fejn jidħol il- qasam soċjali u dawk marbuta maż-żidiet konsekuttivi fil-pensjonijiet u miżuri ġodda li wasslu sabiex aktar nies jibbenefikaw minn pensjoni għall-ewwel darba.

Aktar minn hekk tkellem dwar benefiċċji oħra bħal dawk tal-garanzija għat-tfal u ż-żgħażagħ, għall-persuni b’diżabilita, u persuni oħra ġejjin minn ambjent żvantaġġjat.

‘‘Malta għandha sservi ta’ mudell għal pajjiżi Ewropej oħra, bil-mod li bih qed jinċentivaw kull faxxa tas-soċjetà, illi jmantni suq tax-xogħol b’saħħtu u li joħloq opportunitajiet aħjar. Irridu nindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ diskrepanza u inġustizzji soċjali, illi fil-preżent joħolqu żbilanċ bejn iż-zgħir u l-kbir.

Fl-aħħar mill-aħħar soċjetà b’saħħitha hija dik li tara l-valur u tapprezza s-sehem ta’ kulħadd speċjalment fejn jidħlu il-ħiliet u professjonijiet’’, saħaq il-Kummisarju Ewropew Nicolas Schmit.

Suġġett illi dwaru tkellem ukoll il-Ministru Michael Falzon, fejn insista li dan il-Gvern qed jagħmel dak kollu possibbli sabiex jsaħħaħ postijiet tax-xogħol li jeħtieġu aktar kuntatt fiżiku u emozzjonali, speċjalment fil-qasam tal-kura soċjali. Hawnhekk il-Minsitru Michael Falzon qal li kull gradwat fil-qasam soċjali qed jiġi ingaġġat mill-bidu li jkun spiċċa l-kors, b’salarji mtejjba u opportunitajiet aktar b’saħħithom.

‘‘Minkejja dan l-isforz, xorta waħda qed inkunu kostretti nimpjegaw studenti b’degree Umanitarju, sabiex jassistu dawn il-professjonisti fix-xogħol tagħhom. Dan l-impenn tagħna għandu l-għan illi jsaħħaħ dawk l-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli u nuqqas t’azzjoni fil-ħin, iġorr magħha konsegwenzi agħar fit-tul u aktar problemi interġenerazzjonali’’, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Sport