Post imdaqqas abbandunat f’Buġibba. Tidħol minnu billi ssib parti minn ħajt imwaqqa’. Tidher li twaqqgħet biex saret fetħa. Tidħol ġewwa u ssib kull tip ta’ ħmieġ u imbarazz. Tinduna immma li l-post kien qed iservi ta’ kenn. Issib xi mejda ippustjata f’xi daħla. Sufan imqatta impoġġi ma’ ħajt. Fis-sular ta’ isfel ħlief skart u imbarazz ma tarax. Dawra mal-post biex issib it-taraġ li jagħti għas-sulari ta’ fuq. Taraġ pjuttost dejjaq u matul ukoll kull tip ta’ skart. Titla’ minnu u hemm fuq issib sitwazzjoni oħra. Persuni Afrikani reqdin. Qegħdin jagħmlu dan mhux f’xi lussu imma fi kmamar li ilhom snin abbandunati b’ġebel u skart ieħor. Issibhom jorqdu fuq kartuna twila jew żewġ kartuniet fuq xulxin. Gverta u ħdejhom is-sandli jew il-papoċċ u basket żgħir b’affarijiet personali.
Imħaded ma jeżistux u minflok jagħmlu xi tip oħra ratba li fuqhom ikunu jistgħu iserrħu rashom. L-art mhix bil-madum imma għadha torba għax il-post baqa’ qatt ma tlesta. Bibien u twieqi ma jeżistux u għalkemmm il-post joffri ċertu kenn mill-elementi, xorta waħda hu espost għal sħana kbira fis-sajf u l-kesħa fix-xitwa.
Dan hu dak li iltaqgħet miegħu talk.mt meta fl-aħħar jiem tkellimna ma’ persuni li jaħdmu mill-qrib ma’ persuni li spiċċaw bla saqaf fuq rashom jew xi wħud li qatt ma kellhomx saqaf fuq rashom f’pajjiżna. Il-parti l-kbira minn dawn huma persuni barranin fil-maġġoranza tagħhom Afrikani.
“Dawn huma persuni li ma jistgħux jiġu aċċettati f’xelter”
Il-ħaddiem soċjali li tkellem ma’ talk.mt qalilna li “dawn huma persuni li ma jistgħux ifittxu kenn. L-uniku tama li għandhom hi li xi ħadd, bħal xi għaqda li tgħin l-immigranti tħenn għalihom u jdaħħalhom. Dawn nies li tista’ tgħid qatt ma kellhom saqaf fuq rashom f’pajjiżna. Ħarġu mid-detenzjoni u wara spiċċaw fiċ-ċentru miftuħ u wara sitt xhur, ikollhom jitilqu. Jekk ma tkunx taħdem kif se ssib saqaf fuq rasek? Illum bil-kirjiet għaljin kif inhuma, l-immigranti qegħdin anki huma isibuha diffiċli jikru. Ħafna drabi dawn jibżgħu imorru jitolbu l-għajnuna ta’ xelters li joffru kenn. Jippreferu jorqdu f’bini abbandunat jew żoni oħra li huma jħossu li jistgħu joffrulhom xi tip ta’ protezzjoni.”
Fost dawn hemm persuni li t-talba tagħhom ta’ protezzjoni kienet miċħuda
L-istess ħaddiem soċjali qalilna li “hi realtà li hawn għadd ta’ persuni li kellhom it-talba ta’ protezzjoni tagħhom miċħuda li qed jispiċċaw jgħixu barra fejn isibu. Bini abbandunat jew ġonna. Dawn, diversi drabi ippruvajna naraw isibux kenn f’xi xelter għal dawk bla saqaf imma dawn peress li t-talbiet ta’ protezzjoni tagħhom ma ġewx milqugħa u suppost jintbagħtu lura, imma dan hu diffiċli għax ma jkollhomx dokumenti, dawn ma jiġux aċċettati mix-xelters. Jispiċċaw jorqdu fejn isibu”.
Immigranti bħal dawk li joħorġu miċ-ċentri qed isibuha diffiċli jikru
L-istess ħaddiem soċjali qalilna li “l-kirjiet għolew u għolew sew. Illum biex tikri appartament jew maisonette żgħir trid €800 fix-xahar. Ħafna minn dawn qegħdin jispiċċaw imorru biex jikru sodda f’kamra li trid €200 fix-xahar. Min ma jaħdimx jew ikun għadu ħiereġ miċ-ċentru miftuħ, fejn illum f’ċentru miftuħ idumu biss sitt xhur, hi kważi impossibbli li jidħol għal dawn il-ħlasijiet. Aħna nippruvaw ngħinu lil dawn li spiċċaw bla saqaf fuq rashom kif nistgħu, l-aktar fejn jidħol ikel. Dawn huma każijiet li jkollna minn ġimgħa għal ġimgħa. Għal dawk bi protezzjoni miċħuda kif inhuma l-affarijiet bħalissa ftit li xejn nistgħu nagħmlu biex ikollhom saqaf fuq rashom”.