Sunday, November 24, 2024

Immultat €10,000 dwar ‘meme’ offensiva fuq nies bid-Down’s Syndrome

Aqra wkoll

Raġel kien immultat €10,000 wara li nstab ħati li tella’ ritratt magħruf bħala ‘meme’ fuq Facebook, fejn iżżufjetta b’individwi li għandhom il-kundizzjoni tad-Downs’ Syndrome.

Luke Mihalic ta’ 29 sena min-Naxxar kien tressaq il-Qorti mixli li għamel użu ħażin minn tagħmir elettroniku b’rabta ma’ meme li tella’ fuq il-grupp ta’ Facebook ‘Uncensored Jokes Malta’ lura f’April tal-2020.

Kien Oliver Scicluna, li dak iż-żmien kien il-Kummissarju tal-Persuni b’Diżabilità, li għamel rapport lill-pulizija wara li qal li kien irċieva messaġġi mingħand individwi li ħassewhom offiżi b’dak il-meme.

Wara li ssejjaħ fl-għassa tal-pulizija, Mihalic irrilaxxa stqarrija fejn spjega li kien tella’ dak ir-ritratt mingħajr intenzjoni li jweġġa’ lil ħadd. “Il-grupp ta’ Facebook inkwistjoni kien aċċetta ċajt dwar suġġetti sensittivi “bħar-reliġjon, sess u kollox” u li ma kienx hemm regoli dwar x’seta’ jittella,” huwa kien qal lill-pulizija.

Iżda fis-sentenza tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ddeċidiet li l-fatt li huwa kien tefa’ r-ritratt fi grupp bħal dan “ma jnaqqas xejn mill-messaġġ deġenerat li ried jibgħat l-akkużat.”

Il-Qorti qalet li l-imputat “konxjament u intenzjonalment” kien tella’ l-meme fuq il-mezzi soċjali biex jirredikola lil dawk li sofrew minn din id-diżabilità partikolari.

“Bl-ebda mod ma wieħed jista’ jgħid li din hija espressjoni artistika, satirika, komika jew kulturali. Il-Qorti tqis li din il-meme bħala theddida għal nies bid-Downs Syndrome li huma integrati f’dik li suppost hija soċjetà inklussiva.”

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur tal-Pulizija Roderick Scerri, li kien assistit mill-Avukat Bernard Busuttil mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.

Sport