Nathan James Curmi żagħżugħ ta’ 22 sena kien immultat €1,200 kif ukoll kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal xahar hekk kif instab ħati li laqat karozza u baqa’ sejjer.
Il-każ beda fil-5 ta’ Lulju tal-2021 meta l-vittma kienet marret l-għassa tal-Qawra fejn irraportat li xi ħadd kien daħal fil-karozza tagħha li kienet ipparkjata fix-Xemxija.
Skont dak li rraportat il-vittma, qalet li kienet sabet daqqa fil-bieba fuq in-naħa tax-xellug u nota mwaħħla mal-windscreen fejn kien hemm imniżżel l-isem u n-numru tal-mobile ta’ raġel li qal li ra l-inċident. Fuq din il-karta hu kien kiteb ukoll in-numru tar-reġistrazzjoni tal-karozza li ħabtet magħha.
Hekk kif il-pulizija bdiet tinvestiga, fid-9 ta’ Lulju tal-istess sena kienet talbet lill-akkużat biex imorru l-għassa fejn mill-ewwel il-pulizija ndunaw li fuq il-karozza kien hemm daqqiet n-naħa tal-lemin.
Waqt ix-xhieda tiegħu Curmi qal li ma jiftakar xejn dakinhar li l-pulizija kienu qegħdin jgħidu li seħħ l-inċident.
Xehed ukoll ir-raġel li qal li kien ra l-inċident iseħħ quddiemu u kien ħalla n-nota tal-windscreen tal-istess karozza.
Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, li quddiemha deher l-akkużat emmnet lix-xhud li ra l-inċident u qalet li kien kredibbli fil-mod kif iddeskriva dak li ġara.
Il-Qorti ddeskriviet lill-akkużat bħala wieħed mhux kredibbli u għalhekk waqt li sabitu ħati mmultatu €1,200, skwalifikatlu l-liċenzja għal xahar u naqqsitlu 3 punti.