Raġel ta’ 40 sena residenti r-Rabat Għawdex kien immultat €1500, hekk kif instab ħati liweġġa’ uffiċjal ta’ Transport Malta u insulta uffiċjali tal-LESA.
Fil-Qorti il-Prosekuzzjoni spjegat illi f’Diċembru tal-2022, l-imputat allegatament kkaġuna xi ġrieħi lill-uffiċjal ta’ Transport Malta waqt argument dwar parkeġġ riservat għall-persuni b’diżabilità fir-Rabat Għawdex.
Ingħad li r-raġel ipparkja l-vettura tiegħu f’post riservat għal persuni b’diżabilità u li ftit ’il bogħod minn fejn ipparkja l-imputat, kien hemm uffiċjal ta’ Transport Malta flimkien ma’ żewġ uffiċjali tal-LESA, li kienu qed jidderieġu t-traffiku.
Minn filmati li ġew ippreżentati fil-Qorti, ħareġ li hekk kif l-imputat ħareġ mill-karozza, dan mexa lejn l-uffiċċjali u wara li kellimhom, kompla jimxi lejn il-pjazza.
Ħareġ ukoll li f’ħin minnhom uffiċjal sejjaħ lill-imputat, bl-imputat deher jagħmel mossa oxxena billi miss il-parti privata tiegħu. Ingħad li kien dak il-ħin meta qam l-argument bejn l-imputat u l-uffiċjal, hekk kif dan tal-aħħar talbu sabiex jara l-kard il-blu. Dak il-ħin uffiċjal ta’ Transport Malta jidher iwaqqfu iżda l-akkużat beda jirreżistih.
Fil-filmat l-akkużat deher jattakka lill-uffiċjal ta’ Transport Malta biċ-ċavetta tal-karozza. Fil-Qorti ħareġ li fil-filmati ma nstema’ xejn, iżda r-rapport tal-Pulizija kien juri mod ieħor. Mir-rapport ħareġ li r-raġel kien mar fuqhom biex jgħidilhom li kien hemm xi karozzi pparkjati ħażin u qalilhom “qiskom tliet boloh! Hemm żewġ karozzi ipparkjati illegalment fuq żewġ spazji tad-disabled morru u ħarrkuhom mhux qegħdin hawn, qiskom tliet iċċassati.”
Quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech, xehdu l-uffiċjali li dakinhar kienu preżenti meta seħħ l-inċident. Huma spjega kif l-imputat kellimhom ħażin u heddidhom li jirrapportahom biex itellfilhom xogħolhom.
Fix-xhieda tiegħu, uffiċċjal minnhom ta’ Transport Malta ppreżenta ċertifikat, li minnhu ħareġ li konsegwenza tal-istess argument, huwa sofra minn ġrieħi ħfief.
Il-Maġistrat Grech sostna li l-imputat naqas milli jirrispetta lill-uffiċjali u li għajjarhom. Huwa nstab ħati li weġġa’ uffiċjal pubbliku, għajjar u hedded uffiċjali u li kiser il-paċi pubblika.
Huwa ġie mmultat €1,500 u ħarġet ordni ta’ sigurtà favur l-uffiċjali. Ordnatlu wkoll biex iżomm il-paċi pubblika għal sena taħt penali ta’ €1,000.