Raġel ta’ 49 sena kien immultat €2,000 wara li l-Qorti sabitu ħati li ħalla ġeru marbut f’għalqa fil-limiti ta’ Baħar iċ-Ċagħaq. Fil-Qorti ġie spjegat li l-każ seħħ f’Novembru tal-2019.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Elliot Magro spjegat li l-Pulziija bdiet tinvestiga hekk kif daħlilha rapport mingħand uffiċjali tal-Animal Welfare li kien hemm ġeru marbut b’katina. Ġie spjegat li meta marru fuq il-post, l-uffiċjali tal-Animal Welfare sabu li l-ġeru kien marbut b’katina twila tal-ħadid minn għonqu
Ingħad ukoll li minkejja li dan kellu fejn jistkenn għax kien hemm tip ta’ xelter tal-briks, ma kien hemm indafa ta’ xejn u li l-ilma li kien qed jixrob minnu apparti li kien maħmuġ, kien wisq ftit.
Fix-xhieda tiegħu, l-akkużat spjega li huwa kien ġabar il-ġeru minn ġot-triq, hekk kif kellu biża’ li dan seta jittajjar minn karozza. Sostna li minkejja li l-kelb kien jgħix miegħu u mal-membri tal-familjari, ġieli ħadu miegħu l-għalqa.
Irrimarka li r-raġuni għala kien jorbtu, kienet għaliex skontu mingħajr ċinga kien jipprova jaħrab. Żied jgħid li lill-ġeru kien itih ta’ spiss ikel u xorb.
Wara li semgħet diversi xhieda, fosthom uffiċjal tal-Animal Walfare, il-Maġistrat Astrid May Grima li pprosediet il-każ kkonkludiet li l-ġeru kien f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba u li ma kellu ebda ġrieħi.
Il-Maġistrat Grima qalet ukoll li jirriżulta li l-kelb kien qed jinżamm marbut b’ċinga għal ħinijiet twal u li l-akkużat naqas li jagħmillu ċ-ċippa. Kien għalhekk li waqt li sabitu ħati li ma ħax ħsieb il-kelb kif xieraq immultatu €2,000