Raġel ta’ 50 sena mill-Imqabba kien immultat €2,000 wara li l-Qorti sabitu ħati li baqa’ ħiereġ minn fuq stop sign u ħabat f’karozza misjuqa minn mara li magħha kellha lil bintha ta’ tmien snin.
Leonard Spiteri kien mixli li f’Marzu ta’ sentejn ilu, saq il-karozza tiegħu bi traskuraġni fi Vjal il-Blue Grotto fiż-Żurrieq, b’konsegwenza li mara u bintha sofrew xi ġrieħi. Huwa kien mixli wkoll li saq vettura meta ma kienx f’kundizzjoni li jsuq minħabba xorb jew drogi u li naqas li jagħti kampjun tan-nifs.
Quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, il-vittma spjegat li dakinhar li seħħ il-każ, kienet qed twassal lil bintha għal attività sportiva u li kif kienet qed issuq lejn roundabout fil-madwar, rat trakk li baqa’ ħiereġ u għalkemm ippruvat tevitah daħal ġo fiha.
L-omm irrakkunatat kif kienet inkwetata minħabba li bintha tbati mill-awtiżmu u kienet aġitata waqt li xehdet ukoll kif sofriet ġrieħi fl-irkiekel f’daharha u l-konsulent qalilha li kellha diżabilità ta’ 6% anke għax kellha inċident ieħor fil-passat.
Il-Maġistrat Micallef Stafrace sabet lil Spiteri ħati tat-tliet akkużi miġjubin kontrih u minbarra l-€2,000 multa ssospendietlu l-liċenzji tas-sewqan għal sitt xhur u naqqsitlu 10 punti minnhom.