Sirjan li nqabad isuq mingħajr liċenzja u polza t’assigurazzjoni ġie mmultat €2,400 wara li ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.
Kasem Fleydzh Mahmud ta’ 23 sena li jgħix Ħal Qormi kien arrestat it-Tlieta li għadda fil-Ħamrun. Huwa nstab li kien qed isuq il-karozza ta’ persuna oħra mingħajr permess u mingħajr ma kellu liċenzja jew polza t’assigurazzjoni. Passiġġier ieħor kien ukoll arrestat b’rabta ma’ ksur ta’ liġi dwar l-immigrazzjoni.
Mahmud wieġeb ħati tal-akkużi, bil-Prosekuzzjoni titlob għal sentenza sospiża filwaqt li saħqet li din ma kinitx l-ewwel darba li huwa saq l-istess vettura.
Id-Difiża argumentat li huwa sid il-vettura li għandu jiġi investigat u li minflok sentenza sospiża l-imputat kellu jingħata piena adegwata.
Il-Maġistrat Kevan Azzopardi sab lill-imputat ħati tal-akkużi u mmultah €2,400 filwaqt li skwalifikah milli jikseb liċenzja għal żmien sena.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ian Vella filwaqt li l-Avukati Mario u Nicholas Mifsud dehru għal Mahmud.