Thursday, January 22, 2026

Immultat €3,000 talli ħaddem impjegat mingħajr ma informa lil Jobsplus

Aqra wkoll

Alan Xuereb, sid ta’ bar f’San Ġiljan ġie mmultat €3,000 wara li nstab ħati li naqas li jinforma lil Jobsplus li ħaddem impjegat.

L-imputat kien mixli quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li wettaq dan ir-reat fit-28 ta’ Ġunju tal-2023 u fil-ġranet u xhur ta’ qabel.

Il-prosekuzzjoni qalet li waqt spezzjoni fil-bar minn uffiċjali tal-Jobsplus sabu raġel ta’ nazzjonalità Kolumbjana wara l-counter li kien evidenti li kien impjegat fil-bar.

Minn investigazzjoni li saret irriżulta li l-impjegat ma ma kienx reġistrat mal-Jobsplus.

Impjegati tal-bar xehdu quddiem il-Qorti li l-Kolumbjan kien qiegħed fil-bar bħala prova u jekk kien jinstab tajjeb li jaħdem kien jiġi rreġistrat skont il-liġi.

Iżda l-Qorti qalet li ridiet bilfors tikkummenta dwar ix-xhieda ta’ żewġ impjegati li biex jiskolpaw lil ħaddieħor kienu lesti jieħdu ġurament falz.

Il-Qorti qalet li la fl-aħħar mill-aħħar għażlu li jgħidu l-verità ma kinitx se taġixxi fuq dawk li sejħet “teatrini pwerili”.

Stqarret ukoll li fil-bar kien hemm impjegat ieħor li xogħlu ma kienx regolarizzat u kien biss wara l-imsemmija spezzjoni li dan seħħ.

Kien għalhekk li sabet lil Xuereb ħati u kkundannatu multa ta’ €3,000.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport