Raġel ta’ 40 sena residenti Santa Venera ġie mmultat €5,000 u kellu l-liċenzja tal-kaċċa skwalifikata għal għomru. Dan wara li tressaq il-Qorti mixli li spara u qatel Ajkla Bajda fl-inħawi ta’ Binġemma.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Elliot Magro spjegat li waslet għall-arrest tal-imputat Christopher Mercieca wara li l-Pulzija identifikatu minn filmat li ttieħed minn persuna li kienet fuq il-post li dak il-ħin li Mercieca allegatament spara fuq it-tajra protetta.
Mercieca wieġeb li huwa ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Huwa ammetta wkoll li kellu fil-pussess tiegħu għasafar, kemm ħajjin u kemm mejtin, li huma protetti bil-liġi ta’ Malta.
Id-Difiża f’dan il-każ tmexxiet mill-Avukat Edward Gatt.