Saturday, November 23, 2024

Immultat wara li ammetta li hedded lis-sieħba fuq argument minħabba l-aċċess ta’ ibnu li għandu 4 snin

Aqra wkoll

Raġel ta’ 42 sena mill-Awstralja residenti l-Fgura ġie immultat €2,000 wara li fil-Qorti ammetta li hedded lill-eks sieħba waqt argument li kellhom bejniethom rigward l-aċċess ta’ binhom li għandu 4 snin.

Fil-Qorti, ġie spjegat li l-każ seħħ fil-jiem ta’ bejn is-7 u d-9 ta’ Lulju. Huwa ġie mixli li hedded u li kkawża biża’ fuq omm ibnu. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Colin Sheldon ġie spjegat li r-relazzjoni bejn l-akkużat u s-sieħba tiegħu damet għal madwar tmien snin.

Ingħad ukoll li l-koppja kellhom ftehim dwar l-aċċess ta’ binhom iżda għal xi raġuni, l-omm ma tatx l-aċċess lil missier. L-Ispettur Sheldon qal li meta l-Pulizija tkellmu mal-akkużat, dan allegatament kellu ħsibijiet suwiċidali, tant li kien rikoverat l-isptar fejn sarulu diversi testijiet.

Il-Prosekuzzjoni kompliet tispjega li l-akkużat kien ammetta mal-Pulizija li kien żbalja. Minbarra hekk, huwa sostna mal-Pulizija li kien għamel dan minħabba li skontu jħoss li ma għandux aċċess biżżejjed għat-tifel.

Fuq ammissjoni tal-akkużat, il-Maġistrat Nadia-Helena Vella sabitu ħati u minbarra l-multa, ordnat li jitpoġġa fuq probation għal perjodu ta’ tliet snin. Huwa ġie ordnat ukoll ordni ta’ trażżin u ġie imwissi li bl-ebda mod ma jista’ jagħmel kuntatt ma’ omm ibnu u kull komunikazzjoni trid issir permezz tal-avukati.

Il-Maġistrat Vella laqgħet ukoll it-talba biex ma jixxandarx isem ir-raġel biex ma jinkixfux l-identitajiet tal-omm u t-tifel minuri.

Sport