Taljan ta’ 14-il sena ġie mmultat €116.46 wara li nqabad b’sikkina fuqu f’kumpless tax-xiri fil-Mosta. Il-każ seħħ f’Diċembru tal-2023 fi Triq Valletta, il-Mosta.
Quddiem il-Maġistrat Abigail Critien, l-imputat li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu.
Min-naħa tagħha, id-Difiża spjegat li t-tifel kien sab is-sikkina, għoġbitu u ddeċieda li jżommha. Il-Prosekuzzjoni ssuġġeriet sabiex l-imputat jeħel il-piena minima.
Il-Qorti qieset il-fatt li l-imputat għandu fedina penali nadifa u li ammetta mill-ewwel. Kien għalhekk li l-Maġistrat Critien immultatu €116.46ċ.