Donna Pace ta’ 33 sena residenti s-Siġġiewi, ammettiet fil-Qorti ta’ Għawdex li kienet kisret uħud mill-kundizzjonijiet imposti fuqha biex ingħatat il-ħelsien mill-arrest dwar każ ieħor.
L-Ispettur Keith Xerri li mexxa l-Prosekuzzjoni spjegat li Pace kienet fost l-oħrajn naqset milli tiffirma fl-Għassa tad-Distrett kif ukoll li tidher għal kull seduta fil-Qorti t’Għawdex.
Il-Maġistrat Simone Grech fis-sentenza tagħha qalet li l-Qorti qiegħda tqis l-ammissjoni bikrija ta’ Pace kif ukoll qieset iċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ inkluż li l-imputata naqset li tattendi għal diversi seduti l-Qorti.
Il-Qorti tgħid li “ma tqisx iżda li jeżistu l-estremi sabiex tordna r-ri-arrest tal-imputata f’dan l-istadju.”
Kien għalhekk li filwaqt li sabiha ħajta fuq ammissjoni tagħha stess, ikkundannata €500 multa kif ukoll kkonfiskati ta’ €1,500 li jagħmlu parti mis-somma depożitata bħala garanzija personali.