Wednesday, July 24, 2024

Immultata wara li abbandunat kelb kważi għami

Aqra wkoll

Anna Vella ta’ 65 sena residenti l-Mosta ġiet immultata €2,000 wara li nstabet ħatja li sentejn ilu abbandunat kelb kważi għami fit-triq.

Kien l-Ispettur Elliott Magro li akkuża lil Vella li fil-25 ta’ Jannar ta’ 2022 ġegħlet annimali jsiforu, ma ħaditx ħsieb annimal li kienet responsabbli tiegħu u ppermettiet kelb jiġġerra fit-toroq bi ksur tal-liġi.

Uffiċjal mill-Animal Welfare Department xehed li kien informat li kienet inġabret kelba tar-razza Fox Terrier mill-Mosta u skont rapporti li kienu dan kien ilu jdur barra fit-triq. Kienet inqrat il-microchip u rriżulta li sid il-kelb kienet Anna Vella.

Il-kelb kien ġie eżaminat minn VET u nstab li kien kważi nieqes mill-viżta tant li kien anke jaħbat mal-affarijiet hu u miexi.

Ix-xhur tgħid li kienet tkellmet mat-tifla tal-akkużata fejn din qaltilhom li kienu jħalluh idur fit-triq waħdu imbgħad jirritorna. Qalet li ommha ma setgħetx toħorġu minħabba raġunijiet ta’ saħħa.

Min-naħa tagħha l-akkużata xehdet li hija kienet tieħu ħsieb titma l-kelb u dan kien ikun barra sakemm forsi hi tmur tixtri xi affarijiet.

L-Ispettur Prosekutur qal li l-kelb kien fi stat ta’ saħħa ħażina u bil-kemm seta’ jimxi.

Il-Maġistrat Nadine Sant Lia wara li semgħet il-provi u anke lid-difiża qalet li minkejja l-ispjegazzjoni li tat l-akkużata ma kienx hemm raġuni kif il-kelb spiċċa barra fit-triq.

Il-Qorti filwaqt li sabet lil Vella ħatja kkunndannatha tħallas multa ta’ €2,000 fi żmien sentejn waqt li żammitha milli żżomm klieb għal perjodu ta’ sena.

Ekonomija

Sport