Tuesday, November 26, 2024

Imnedija 450 kors għat-Tagħlim Matul il-Ħajja

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ftit tal-ġimgħat ilu nedejna dokument ta’ politika għat-Tagħlim Matul il-Ħajja, li bħalissa għadu fi proċess ta’ konsultazzjoni. Illum qegħdin inniedu l-korsijiet għal matul din is-sena li ġejja, allura filwaqt li għandna l-politika għaddejja, għandna wkoll l-implimentazzjoni tagħha permezz ta’ dawn il-korsijiet, għaliex irridu noffru kull opportunità possibbli biex il-poplu tagħna jkompli, mhux biss jitgħallem u jtejjeb il-ħiliet tiegħu, imma wkoll il-kwalità tal-ħajja tan-nies tagħna fuq livell ġenerali”, qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana waqt it-tnedija tal-prospett tal-korsijiet tat-Tagħlim Matul il-Ħajja (Lifelong Learning Courses).

Il-Ministru Caruana qalet li dan huwa eżerċizzju importanti ferm, fil-kuntest ukoll tal-pandemija, li ħolqot diversi sfidi imma wkoll opportunitajiet li jeħtieġu riżors uman imħarreġ u ppreparat. Għalhekk, il-ministeru qed jara li mhux biss ikun hemm dawn l-opportunitajiet ta’ tagħlim, imma li jkun hemm it-teħid tal-opportunitajiet, għaliex in-nies iridu jkunu wkoll ippreparati mhux biss akkademikament imma wkoll billi jtejbu l-ħiliet tagħhom, u din hija opportunità importanti ħafna biex jintlaħqu dawn il-miri.

Il-prospett jinkludi korsijiet vasti mifruxin fuq 72 suġġett differenti, b’iktar minn 450 kors li se jsiru kemm fiċ-ċentri tat-Tagħlim Matul il-Ħajja u wkoll uħud minnhom online. Din is-sena tnedew ukoll korsijiet ġodda bħal ‘Bring your own Device’, ‘Learning through Play’, ‘Basic Homecare and Wellbeing’, u kors dwar il-Ġardinaġġ.

Waqt l-introduzzjoni u l-ispjegar tal-korsijiet, Christianne Fenech, Senior Manager ta’ Lifelong Learning, qalet li l-viżjoni tad-Direttorat tat-Tagħlim tul il-Ħajja huwa li jipprovdi sistema ta’ tagħlim personalizzat u li joffri appoġġ lil kulħadd. Il-korsijiet jingħataw minn edukaturi u koordinaturi speċjalizzati li jgħinu lil dawk li jattendu u jibqgħu jsegwu sakemm l-adult jirnexxilu jirrealizza x-xewqat edukattivi tiegħu.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana enfasizzat li qatt mhuwa tard biex titgħallem. Għalhekk dawk kollha interessati għandhom jieħdu din l-opportunità biex ikabbru l-ħiliet u l-għarfien tagħhom permezz ta’ dawn il-korsijiet li jvarjaw minn tagħlim ta’ lingwi sa tagħlim ta’ suġġetti prattiċi.

Wieħed jista’ japplika billi jmur fuq is-sit elettroniku www.lifelonglearning.gov.mt jew inkella fiċ-ċentru tat-Tagħlim Matul il-Ħajja l-Furjana, mill-kunsilli lokali, mis-servizzi.gov hub, jew inkella fi stand li twaqqfet apposta quddiem il-Parlament fil-Belt Valletta.

Sport