Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isports, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi llum nedew 7 Skemi ta’ Boroż ta’ Studju b’valur totali ta’ madwar €8 miljun. Dawn huma: Skema ta’ Borża ta’ Studju Endeavour II; Skema ta’ Borża ta’ Studju TESS; Skema ta’ Borża ta’ Studju tal-Arti; Skema ta’ Borża ta’ Studju dwar l-Isport; Achieve 360, Reach High II u Live the Language.
Il-Ministru Clifton Grima enfasizza li dawn il-Boroż ta’ Studju huma investiment dirett fl-istudenti, li permezz tagħhom qed jingħataw sostenn finanzjarju, biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tal-futur tagħhom. “Bit-tnedija ta’ din is-sena f’dawn l-skemi ta’ boroż ta’ studju s’issa investejna iktar minn €44 miljun. Aħna nemmnu li l-investiment qawwi fis-settur edukattiv u fl-istudenti jiggarantixxi suċċess għalihom, għas-soċjetà u għal pajjiżna,” stqarr il-Ministru Grima. Huwa enfasizza li dawn l-iskemi huma xhieda tal-investiment li qiegħed isir fis-settur edukattiv.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal, “B’mod partikolari, skemi bħall-Endeavour II u REACH HIGH II, li huma kofinanzjati mill-Fondi Ewropej, qed jappoġġjaw direttament studji f’livelli għoljin, inkluż Masters u riċerka post-dottorali. Mill-bidu tal-iskema Endeavour II s’issa ġew ippubblikati erba’ sejħiet b’investiment totali ta’ €4.8 miljun mill-Fondi Ewropej, filwaqt li din is-sena ġew allokati €1.5 miljun oħra mill-Fondi Ewropej għall-ħames sejħa tal-iskema, investiment konkret li jkompli jsaħħaħ il-ħiliet, ir-riċerka u l-kompetittività ta’ pajjiżna, għax dan l-investiment qed iwassal għal aktar ħiliet f’pajjiżna.”
L-iskemi ta’ Boroż ta’ Studju jkopru korsijiet ta’ studji f’Istituzzjonijiet rikonoxxuti li jvarjaw minn Programmi ta’ taħriġ, sa’ studju Post Dottorat. Hemm skemi li huma ffukati fuq korsijiet akkademiċi waqt li oħrajn fuq korsijiet speċjalizzati fuq l-Arti u l-isport:
•Malta Arts Scholarships Scheme – immirata għall-artisti kollha li jixtiequ jistudjaw fuq korsijiet ta’ Arti Espressa u korsijiet konnessi ma’ arti ta’ din ix xorta. Dawn il korsijiet huma miftuħa għal applikanti minn tlettax-il sena ’l fuq meqjusa bħala Training programmes u Korsijiet Akkademiċi li jwasslu minn Diploma MQF livell ħamsa (5) sa Dottorat.
•Malta Sports Scholarships Scheme – immirata lejn Atleti stabbiliti li jridu jtejbu il-prestazzjoni tagħhom kif ukoll dawk l-istudenti li jridu jkomplu jistudjaw fuq korsijiet akkademiċi bi speċjalizzazzjoni fl-isports.
•Skema TESS hija mmirata għal studji ffukata fuq korsijiet ta’ Ph.D u Masters min Fondi Nazzjonali. Għal din l-iskema jiġu nvestiti €1.8 miljun kull sena.
•Endeavour II iddedikata għal Studji Akkademiċi għal Masters – kofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew plus (ESF+). F’din il-ħames sejħa ġew allokati €2.5 miljun. 60% mill fondi Ewropej u l-kumplament mill-fondi nazzjonali.
•REACH HIGH II – tippromwovi programmi ta’ riċerka f’livell ta’ Post Dottorat, għal dawk li diġà għandhom kwalifika ta’ Dottorat u se jkomplu jagħmlu riċerki ’l fuq minn dan il-livell. Din it-tieni sejħa hija kofinanzjata mill-fond Soċjali Ewropew (ESF +) u se tkun ta’ €2 miljun.
•Achieve 360 – Skema mmirata għal dawk l-istudenti li huma Atleti bi prestazzjoni għolja. Skema għal dawk l-istudenti li jixtiequ jkomplu jistudjaw fil-livell ta’ MATSEC (A level) imma fl-istess ħin jipprattikaw l-isport li jikkompetu fih. Qed jiġu offruti 20 Scholarship għal studju u taħriġ fil-Mediterranean College of Sport.
•Live the Language – Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni huwa impenjat li jipprovdi għajnuna finanzjarja liż-żgħażagħ biex jiżviluppaw l-orizzonti lingwistiċi u kulturali tagħhom billi jagħmlu taħriġ lingwistiku f’pajjiż rispettiv. Din l-iskema tagħti opportunità għal esperjenza kulturali f’pajjiż waqt li l-istudent ikun qed isegwi kors tal-lingwa. Skema li hija mmirata wkoll biex ittaffi n-nuqqasijiet fil-ħiliet fil-lingwi barranin; tipprovdi opportunitajiet għat-titjib tal-ħiliet taż-żgħażagħ, u ttejjeb il-kwalità u r-rilevanza tal-ħiliet skont ir-rekwiżiti tal-industrija.

