Monday, September 23, 2024

Imnedija d-diska uffiċjali tal-EuroPride Valletta 2023 – WE GOT PRIDE

Aqra wkoll

Xahar ’il bogħod mill-ftuħ tal-EuroPride Valletta 2023, ġiet imnedija d-diska uffiċjali ta’ dan l-avveniment storiku, bit-tema ‘We Got Pride’.

Il-kanzunetta oriġinali turi l-vjaġġ pożittiv li għamel pajjiżna fl-aħħar snin biex tingħeleb id-diskriminazzjoni u tissaħħaħ l-ugwaljanza, bil-għan li ħadd ma jħossu mwarrab f’pajjiżu stess minħabba l-għażliet personali dwar il-familja li jkun jixtieq jibni.

‘We Got Pride’ tisħaq li l-imħabba qatt ma tista tkun ħażina. Id-diska tiċċelebra l-bidla lejn soċjetà li tirrikonoxxi d-diversità u kif bħala pajjiż aħna kburin li nistgħu ngħixu flimkien, aħna kif aħna, bla mistħija, biża jew silenzju.

L-awtur ta’ din il-kanzunetta, Matt ‘Muxu’ Mercieca, qal li l-lirika tiegħu tfakkar li l-EuroPride Valletta 2023 se tkun ċelebrazzjoni għal kulħadd, mhux biss għall-komunità LGBTIQ+ iżda għal kull min iħobb. “Id-diska sservi bħala tifkira ta’ fejn konna bħala pajjiż fil-qasam tad-drittijiet ċivili u kemm imxejna ’l quddiem bis-sehem ta’ kulħadd. Dan huwa sentiment pożittiv għall-aħħar”, qal Mercieca.

Il-kompożitur tal-kanzunetta, Elton Zarb, qal li din il-mużika tirrifletti l-mod kif il-poplu Malti u Għawdxi se jingħaqad flimkien għal ċelebrazzjoni kbira f’Settembru li ġej. “Huwa ta’ prestiġju għalija li ħdimt fuq din id-diska mimlija enerġija li nixtiequ nittrasmettu lin-nies li ħa jkantaw u jiżfnu magħha waqt li niċċelebraw l-ugwaljanza li tant nemmnu fiha”, qal Zarb.

Din il-verzjoni tal-kanzunetta uffiċjali tal-EuroPride hija mibnija fuq il-vuċijiet ta’ sitt kantanti ewlenin – Glen Vella, Amber, Matt Black, Brooke, Ryan Hili u Destiny. Iżda l-idea hija l-kanzunetta tevolvi u jkantawha iktar artisti waqt l-għaxart ijiem tal-EuroPride f’pajjiżna u lil hinn minnhom.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljana Rebecca Buttigieg fissret it-tnedija tal-kanzunetta uffiċjali tal-EuroPride bħala pass ieħor lejn it-twettiq tax-xogħol li qed isir biex pajjiżna joħroġ bl-unuri. “Il-preparamenti jinsabu fl-aqwa tagħhom. Fadal biss 30 ġurnata biex nagħtu bidu għal dan l-avveniment storiku li mhux biss se jiċċelebra l-kisbiet tagħna fl-ugwaljanza, iżda li se jħalli wkoll legat b’saħħtu ta’ drittijiet ċivili għalina u għall-Ewropa kollha”.

Il-President tal-Allied Rainbow Communities Maria Azzopardi qalet li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-EuroPride Valletta 2023 hija li ġġib flimkien il-komunità vasta u vibranti tagħna biex nuru lid-dinja kemm hija b’saħħitha l-kburija lejna nfusna u lejn l-għeżież tagħna. “Ma nistgħux inkunu aktar eċitati milli aħna għall-ħruġ ta’ din il-kanzunetta, li tiġbor flimkien diversi artisti lokali, bħala turija tal-għaqda ta’ pajjiżna favur l-imħabba”.

Sport